Il-muntanja tal-mistħija

Quddiemi, in-naħa l-oħra tal-Bajja tas-Salini, hemm muntanja ta’ żibel. Muntanja li qed tikber kuljum. Meta jkun ir-riħ mix-Xlokk, li fortunatament ma jkunx ta’ spiss, ir-riħa tinten li tasal ħdejna l-Qawra tħossha taħraqlek il-pulmuni. Povri r-residenti li jridu jibilgħu d-duħħan tal-miżbla meta r-riħ ikun mill-Majjistral, li huwa fil-biċċa l-kbira tal-ġranet.

Il-muntanja ilha tikber għal mill-inqas 40 sena. Issa minflok togħla qed tespandi ‘l ġewwa fuq l-art. Biex ma togħliex ħaffirna ħofra kbira, ksejniha bi lqugħ apposta (għall-inqas), u sejjaħnilha engineered landfill. Iż-żibel kollu ta’ Malta jitwaddab hemm, irejjaħ, idaħħan u jmarrad lin-nies. Suppost qed nirriċiklawh, imma għadu sforz imqanżaħ. Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ir-rata tar-riċiklaġġ f’Malta fl-2023 kienet ta’ 17.4%, tikka iktar minn 1 minn kull sitta. Għal kull sitt boroż taż-żibel li joħorġu mill-ħwienet, mir-ristoranti u mid-djar kollha ta’ Malta, ħamsa minnhom jitwaddbu dritt fil-miżbla. Sorry, fil-landfill. Ħamsa minn kull sitta. Agħar minna fl-Unjoni Ewropea hemm biss il-Bulgarija, Ċipru u r-Rumanija, il-Greċja qegħdin daqsna, u 22 pajjiż ieħor (minn 27 b’kollox) qegħdin aħjar jew ħafna aħjar minna.

Ma niskantax li ċ-ċifri huma daqshekk ħżiena u li l-muntanja għadha qed tespandi. Nieħu eżempju mill-blokk fejn ngħix jien li fih 13-il appartament. Il-ġurnata waħda meta nistgħu u suppost noħorġu l-borża l-griża tal-iskart separat għar-riċiklaġġ, nhar ta’ Ħamis, fuq il-bankina jkun hemm eżattament borża waħda: dik tagħna. Tnax-il appartament ieħor, ġimgħa wara l-oħra ma joħorġu xejn. Nista’ biss naħseb li tnax-il appartament qed iwaddbu kollox ġo borża waħda: il-famuża, mitika, tant konvenjenti l-borża s-sewda. Waddab kollox fil-borża s-sewda u hekk, bħall-magic, iż-żibel jisparixxi. Jisparixxi sa ċertu punt, għax meta jkollna x-Xlokk jasal lura għandna fl-għamla u l-għaxqa tar-riħa taħarqilna l-pulmuni, bħal-lum.

Naf li qed jiġri hekk għax kull nhar ta’ Tlieta u nhar ta’ Sibt – darbtejn fil-ġimgħa, ħbieb tiegħi, ħalli żgur inkunu mfissdin u xxamplati, ma nerfgħux seba’ wieħed biex nagħmlu xi ħaġa għall-ġid tal-komunità – meta jinġabru l-boroż is-suwed bl-iskart li mhux għar-riċiklaġġ, il-bankina tkun miksija b’munzell ta’ boroż suwed.

Għaliex aħna daqshekk irresponsabbli fejn jidħol l-ambjent? Għaliex daqshekk niġu naqgħu u nqumu? Din mhix id-dinja tagħna wara kollox? Ma nistax nifhem. Tkiddni wisq din l-attitudni. Il-ħwienet u s-supermarkets donnhom aktar ma jużaw plastik aktar aħjar. Jippruvaw kważi jbellgħuhuli minn griżmejja. Kull biċċa ħaxix igeżwruha fil-plastik bil-prezz fuqu. Tal-ħanut ta’ ħdejja jkolli kull darba ninsisti miegħu: borża tal-karti, mhux tal-plastik! Jien u nħallas għax-xirja: “Trid borża?” Le, grazzi. Imma jien biss nirrifjutahom, u xi erba’ boloh bħali. “U dawn fitti, xi dwejjaq ta’ ambjentalisti!”

Issa jekk Alla jrid ġej il-Milied. Nixtru tunnellati fuq tunnellati ta’ oġġetti biex nagħtuhom lil xulxin. Kollox imgeżwer. Jumejn wara, aktar tunnellati ta’ rimi ta’ plastik u karti – fil-borża s-sewda, mank nisseparawhom biex forsi jiġu rriċiklati. U l-muntanja taż-żibel tkompli tikber.

Ħbieb tiegħi, tagħtux kas ta’ Scrooge. Il-Milied jiġi wkoll biex nagħtu r-rigali, imma l-isbaħ rigal li nistgħu nagħtu lill-Bambin li qed niċċelebraw it-twelid tiegħu, barra li nħobbu lil xulxin, hu li nieħdu ħsieb il-ħolqien, in-natura, id-dinja. Il-karti u l-boroż u t-tgeżwir kollu li tiġġenera din il-festa nistgħu faċilment inqiegħduhom fil-borża l-griża tal-iskart riċiklabbli mħallat, le?

X’jista’ jsir?

Poplu li tikkonvinċih b’ċekk ta’ mitt ewro kull ħames snin, l-aħjar mod kif tidħollu f’ruħu u f’qalbu huwa bil-flus.

L-ewwel nett, kull borża tal-plastik li toħroġ minn ħanut għandu jkollok tħallas għaliha. Nofs ewro malajr jispira lin-nies isibu soluzzjoni li tevita l-ħlas għal borża tal-plastik. Iġibu basktijiet. Iġibu boroż magħhom.

It-tieni, il-“borża s-sewda” għandha tkun l-iktar waħda għalja – ewro kull waħda. Dan ukoll inebbaħ lin-nies u jgħinhom jiskopru s-sens ċiviku u xewqa biex iħallu warajhom dinja aktar nadifa għal uliedhom billi jibdew jisseparaw l-iskart riċiklabbli. Ovvjament, u sfortunatament, ikollu jidħol diżinċentiv kontra min jipprova jqarraq u jwaddab kollox fil-borża tal-iskart riċiklabbli. Jekk ma jintużawx sew u kif suppost, dawn il-boroż jibqgħu hemm u ma jinġabrux.

L-impriżi kummerċjali għandhom jingħataw inċentivi biex jużaw alternattivi minflok plastik biex jippakkjaw jew igeżwru l-prodotti. Fil-biċċa l-kbira tal-każi boroż tal-karti u kaxex tal-kartonċin, jew karti apposta għal-laħam u għall-ħut, iservu tajjeb ħafna. Jistgħu anki joffru prezzijiet irħas għax-xerrejja li jġibu l-kontenituri tagħhom.

U, apparti l-flus, nistgħu anki wara kollox, b’kampanji ta’ pubbliċità studjati, nuru lin-nies kemm hu ħaġa tajba u bżonnjuża r-riċiklaġġ. Li ma niġġenerawx skart bla bżonn. Li oġġett li nistgħu nerġgħu nużawh ma narmuhx. Niftakar mill-passat żewġ kampanji ta’ pubbliċità sempliċi li tant kienu tajbin li spiċċaw saru parti mill-folkor. L-ewwel wieħed kien Xummiemu, li għandu x’jaqsam ħafna mas-suġġett li qed nikteb dwaru hawn u kkonvinċa ġenerazzjoni sħiħa ta’ Maltin biex ma tħammiġx barra. L-ieħor kien reklam ta’ tifel żgħir fuq wara tal-karozza li ried bilfors jirkeb quddiem. “Għalfejn qed twerżaq? Quddiem perikoluż. Post it-tfal huwa wara!” spjegalu ħuh il-kbir. Kulħadd fehem u baqa’ jiftakar il-messaġġ.

Iridu jsiru bħal dawn it-tipi ta’ kampanji pubbliċitarji, fuq it-TV, fuq il-gazzetti, billboards u fuq il-media soċjali minflok il-ħafna propaganda vojta fuq kemm il-baġit kien tajjeb. “L-iskart ma jisparrixxix meta jinġabar”. L-iskart iniġġes. L-iskart riċiklat is-sena li għaddiet intuża biex… xiex? Fil-fatt, m’għandix idea x’qed isir minnu, u feedback bħal dan jgħin biex titqajjem iktar kuxjenza u kultura favur ir-riċiklaġġ fost il-pubbliku. Mhux biss tieħu dik il-battikata “enormi” li tissepara l-iskart u mbagħad daqshekk, Alla m’għamlu, imma taf li l-isforz tiegħek qed jgħin biex isir hekk, u hekk, u t-tali affarijiet. “Bir-riċiklaġġ f’Malta, ġew prodotti X oġġetti tal-karti, tal-ħġieġ, eċċetra, ġew iffrankati X eluf tunnellati ta’ skart li kien se jintrema fil-Magħtab.” Hija din it-tip ta’ propaganda li nixtieq nara jien u nqalleb fl-internet. Mhux fuq kemm raħsu t-taxxi jew kemm għolew il-pagi.

Għalkemm għadna lura, miniex qalbi maqtugħa li xi darba naslu. Il-progress f’ħafna affarijiet isir bilmod, veru, imma wara numru ta’ snin jibda jidher. Fir-rapport li semmejt qabel tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, mill-2010 sal-2023 ir-rata tar-riċiklaġġ f’Malta kważi rduppjat. Jalla b’xi mod forsi anki jittripplika, imqar bil-metodi li qed nissuġġerixxi hawn fuq.

It-tama l-aħħar li tmut. Għall-inqas issa dalam u l-muntanja m’għadhiex tidher, u bit-twieqi magħluqa lanqas tinxtamm.


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading