Għaliex l-iskiing ma jgħoddx għalija

Fix-xitwa hemm ħafna jħobbu jmorru skiing, fosthom l-għeżież nett tiegħi, ħbieb u miljuni oħra madwar id-dinja. Imma mhux jien. Mort xi darbtejn tlieta u kienu biżżejjed biex ninduna li ma jgħoddx għalija. Issa sirt, meta nsib ruħi f’nofs mawra tal-iskiing, inħallihom imorru jiskijaw kemm jogħġobhom u jien naqbad il-karozza u mmur nesplora l-inħawi tal-madwar. Xorta jkun ħafna kesħa u, frankament, sakemm mhux fuq xi Gżejjer Kanarji s-safar fix-xitwa nippreferi nevitah. Lanqas ħaqq l-ispiża.

Darba minnhom kien fil-Bulgarija, post jismu Borovets, li tlaqt għal rasi nħuf u nesplora, imma kultant sibt ruħi fil-qalba tal-attivitajiet u kien hemm li stajt nara b’għajnejja u nifhem għaliex il-vaganzi tal-iskiing ma jogħġbunix.

1. Il-folol

Hemm funikular li jieħdok fil-post mnejn tibda tiskija, jissejjaħ il-Gondola. Konna se nitilgħu għax hemm xenarju spettakolari, u biex nieklu xi ħaġa hemm. It-tfajla li begħitli l-biljetti biex nitilgħu ssuġġerietli li lill-operatur li kien qed jikkontrolla l-folol ngħidulu li ma konniex sejrin biex niskijaw imma biex naraw il-veduta, u “forsi jekk ikun f’burdata tajba jħallikom tgħaddu mingħajr ma tistennew fil-kju”.

“Outside”, qalli. Jiġifieri kellna ngħaddu nofsiegħa nistennew bħal ħaddieħor biex nidħlu fil-funikular.

Din ir-raġuni waħidha, jiġifieri l-folol, tqiegħed lill-iskiing fuq l-istess livell bħal attivitajiet oħrajn ta’ rikreazzjoni bħalma huma l-lunaparks, il-kunċerti, il-bajjiet popolari fis-sajf, u l-attività li tant kont inħobb qabel ma herrejt dahri bil-ġiri – il-maratoni u t-tlielaq fit-tul. Imma fl-iskiing, ikollok tħabbat wiċċek ukoll ma’…

2. Kjuwijiet, u aktar kjuwijiet

… biex tidħol fix-shuttle bus mil-lukanda sal-post proprju tal-iskiing, biex tikri l-boots għall-iskiing (dwar dawn se nelabora aktar ‘il quddiem), biex tikri l-iskis, biex titla’ fuq iċ-chair lift li jtellgħek sa mnejn tibda tiskija, u dan kollu waqt li jkollok…

3. Iġġorr nofs tunnellata imbarazz

Minbarra l-kostum tal-iskiing, diġà tqil minnu nnifsu, ix-xalla, ingwanti ħoxnin u kappell tas-suf, ikollok timxi (speċi ta’) kullimkien liebes par boots tal-astronawti estremament skomdi u li mhumiex tajbin għall-mixi, u dan waqt li tkun qed iġġorr basket fuq dahrek u f’idejk żewġ stikek għall-iskiing u żewġ skis li l-ħin kollu jiżżerżqu lejn l-art.

4. Borra maħmuġa ma’ kullimkien

Il-borra tant tidher sabiħa fir-ritratti, li dejjem jittieħdu meta din tkun għadha friska u bajda. Li ma jsemmux in-nies hu li fir-realtà l-borra mhix bajda – tkun ratba u mxarrba u malajr issir sewda bil-ħmieġ tat-triq, billejl tiffriża u filgħodu ssir silġ iebes u jiżloq.

5. U mbagħad il-kalzetti jixxarrbulek

… bil-borra li tidħollok fil-boots tal-astronawti. Il-borra mwaħħla mal-qiegħ ta’ taħt il-boots taqa’ mal-art fil-karozza u fil-kamra tal-lukanda, avolja kont sabbatt il-boots mal-ġenb tal-karozza, mal-art u mal-ħajt biex ittajjarha. Tista’ malli tidħol ġewwa tneħħi l-boots, imma mbagħad il-kalzetti jerġgħu jixxarrbulek.

6. Eh, tassew, kont se ninsa l-iskiing innifsu

… li eventwalment tasal biex tibdieh wara l-kiri u l-ġarr tal-apparat tal-iskiing, wara li tistenna fi kju wara l-ieħor, eċċetra. Huwa wara kollox l-iskop ta’ dawn il-keded kollha, imma mbagħad hemm problema oħra. M’għandix ħila niskija sew. U minn xi snin ilu ‘l hawn lanqas biss nista’ niskija ħażin, minħabba problemi fil-ġogi u f’dahri, affarijiet li jiġru meta wieħed ma jkunx għadu żagħżugħ fl-aqwa tiegħu.

7. Il-buffet fil-lukanda

Jekk forsi ma tantx tkun qattajt ħin tistenna matul il-ġurnata sakemm tibda tiskija, għandek l-opportunità tpatti għal dan filgħaxija waqt l-ikel, fejn trid terġa’ toqgħod fil-kju, bil-platt f’idejk, sakemm tasal mal-mejda tal-buffet b’kemm Alla ħalaq tfal jiġru madwarek, jisogħlu ġol-ikel.


Il-verità hi li jien wild il-Mediterran, u l-iskiing ma jgħoddx għal persuni li ma rawx nitfa borra f’ħajjithom qabel ma saru adulti.

Imma għall-inqas, il-veduti sbieħ. Hawnhekk viċin fejn konna bbażati f’Borovets. Konna f’nofs l-għoli sal-quċċata tal-muntanja Musala, l-ogħla muntanja fil-Bulgarija.


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading