Din it-tifkira minn Lulju 2010 hi partikolarment għal qalbi għal għadd ta’ raġunijiet. Ir-ritratti ħarġu sbieħ, kienu l-ewwel li qatt ġbidt bit-telefown, u meħudin fil-post fejn ġieli kont niltaqa’ mal-għeżież ġenituri tiegħi meta kont immur Malta għall-vaganzi, speċjalment fis-sajf:

L-ewwel ritratt li qatt ġbidt bit-telefown ħareġ wieħed mill-aktar li jogħġbuni.
Is-soltu hawn inkunu aktar moħħna f’dak li jkun jidher in-naħa l-oħra ta’ li jidher hawn. Meta ħadt ir-ritratt kont qed nagħti dahri lill-veduta maestuża tal-Port il-Kbir. Kienet lejla sajfija kalma, il-baħar lixx qisu ħġieġ. Bellezza. Innota l-qamar ġdid fuq ix-xellug tal-obelisk.
Ftit wara dalam.

Dejjem naraw ritratti tal-veduta spettakolari li tara mill-ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq, u ftit napprezzaw is-sbuħija tal-ġnien innifsu. Fis-sajf filgħaxija jkun hawn għaxqa. Noqogħdu npaċpċu, imbagħad immorru sal-gabbana u nieħdu xi pastizzi, qassata jew ftira u xarba kiesħa. Sabiħ wisq.
Aħna u ħerġin mill-ġnien biex immorru lura ggustajt din ix-xitla.


Leave a Reply