Dwar il-blog

‘L hawn u ‘l hinn.

Hekk sejjer. Minn naħa għall-oħra. Daqqa Malta u daqqa l-Belġju. Jew l-Italja, l-Iżlanda u madwar il-bqija tal-Ewropa. ‘Il bogħod iżżejjed ma nħobbx immur, lanqas ħaqq l-ispiża u l-ħin twil sakemm nasal. Madwari fil-qrib, tant u tant għad fadalli meravilji x’niskopri li żgur hemm biżżejjed biex jimla l-bqija ta’ żmieni fl-univers.

‘L hawn u ‘l hinn ukoll hija xi ftit jew wisq deskrizzjoni ta’ ħsibijieti u tal-fehmiet li nħaddan. “Int tgħid li int liberali? Din iktar mingħand xi konservattiv nistenniha!” Hekk hu, veru. Ma rridx nintrabat ma’ ideoloġija waħda, għalkemm il-konvinzjonijiet tiegħi ixaqilbu ferm aktar lejn in-naħa liberali. Jista’ jkun ma jkollix raġun f’ċerti kitbiet. Forsi ma nkunx infurmat tajjeb biżżejjed. U spiss ikolli dubji kbar. Jew nibdel fehmti, u snin wara nerġa’ naqra dak li ktibt u nimbarazza ruħi. Il-fatt hu li dak li nikteb dejjem nibbażah fuq dak li naf u l-konklużjonijiet li twassalni għalihom il-loġika.

‘L hawn u ‘l hinn. Ġieli bil-Malti u ġieli bl-Ingliż. Kummenti u ħsibijiet niktibhom l-iżjed bil-Malti. Stejjer ta’ vjaġġi… ‘l hawn u ‘l hinn se nkomplihom bl-Ingliż, taħt il-kategorija “Places”. L-eċċezzjoni hija “Malta”, tinkiteb l-istess bil-Malti u bl-Ingliż u, anki b’rikonoxximent tal-istatus tat-tnejn li huma bħala lingwi uffiċjali, taħt “Malta” hemm kitbiet bil-Malti u oħrajn bl-Ingliż.

Jekk tara xi ħaġa li togħġbok, daqsxejn ta’ “Like” kulħadd jieħu pjaċir biha, u iżjed u iżjed napprezza wkoll pubbliċità b’xejn permezz ta’ “Share”. Fejn ma taqbilx, jew anki jekk taqbel u tixtieq tikkummenta, id-diskussjoni dejjem sabiħa, basta nirrispettaw lil xulxin.

Nispera li tieħu pjaċir taqra dawn l-istejjer u l-ħsibijiet tiegħi.

Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.