Għandna x-xorti tajba li l-appartament li għandna l-Qawra jagħti quddiem spazju li suppost għandu jibqa’ b’vilel baxxi, li jħallulna quddiemna veduta fuq il-bajja tas-Salini.
Suppost għandu jibqa’. Nisperaw.
Bħal ma ngħid dejjem, is-sema joffri wieħed mill-isbaħ spettakli tan-natura – formazzjonijiet grandjużi ta’ sħab dejjem jinbidlu, imdawlin bix-xemx tielgħa, bil-qamar, jew mimlijin maltemp.
Jew anki xejn minn dan. Għar-ritratti tas-sema trid taħtaf il-mument, għax id-dawl u s-sħab il-ħin kollu jinbidlu u xena li taqtagħlek nifsek wara nofs minuta ssir ordinarja. Noħroġ niġri fil-gallarija u niġbed ir-ritratt malajr. Ilbiraħtlula kont qed nara t-television u waqt ir-riklami nħares laġenba ‘l barra u mill-ewwel naħseb – illaħwa, eżatt qisu Starry Night ta’ Van Gogh!

Ok, mhux eżatt preċiż, imma r-riflessjonijiet fuq l-ilma tant ifakkruni f’dik il-pittura famuża.
Kif kien irrimarka ħabib tal-qalb li hu ċiniku daqsi jekk mhux iżjed, nisforza biex insib spazju bejn il-krejnijiet u l-blokok tal-bini. U veru, anzi mhux biss, għax anki l-muntanja taż-żibel fil-Magħtab, monument ta’ falliment nazzjonali, ukoll tiddeffes fir-ritratt t’hawn fuq. Imma minkejja dan kollu, tant kelli okkażjonijiet naħtaf mumenti ta’ spettaklu fis-sema li nqisu xieraq li, fil-blog Gallarija, nippreżenta gallarija ta’ ritratti meħudin mill-gallarija. Tista’ tagħfas fuq kull wieħed minnhom biex tara r-ritratt sħiħ.












Leave a Reply