Kont Malta fl-istess żmien li kellhom jilagħbu l-Italja u l-Ingilterra fil-World Cup, u għażilt li mmur noqgħod kemm jista’ jkun ‘il bogħod mill-istorbju u l-ħornijiet. Deherli li l-Mellieħa ma tantx jgħaddu carcades, u hemm intfajt.
Kemm hi sabiħa l-Mellieħa! L-Unjoni Ewropea wkoll irrikonoxxietu dan mid-dehra, kif jixhdu skoss tabelli fuq il-bankini jsemmu dal-fatt u jixhdu wkoll fl-istess ħin li min għamilhom batut fil-grammatika imma jpatti għal dan bl-użu tal-ittri kapitali.
Iddeċidejt nagħmilha missjoni tiegħi, fl-ewwel ġurnata nett li kont il-Mellieħa, li naqsam il-fliegu u mmur nieħu ftira Għawdxija mingħand il-Maxokk tan-Nadur. Kont qrajt li tal-linja ta’ Għawdex ħafna aħjar minn ta’ Malta u allura ħsibt li nħalli l-karozza ċ-Ċirkewwa. Għawdex indur b’tal-linja u niffranka nħallas in-noll għall-karozza. Skoprejt li jekk f’Malta tal-linja agħar minn Għawdex, allura vera ħżiena!
Bit-telefown ordnajt il-ftira tal-ġbejniet għas-siegħa u qbadt triqti lejn il-gżira Għawdxija. Inżiltna l-art fl-Imġarr u tlajna kulħadd marsus f’tal-linja direzzjoni lejn ir-Rabat. F’nofs Ġunju s-sajf kien diġà kkarga sew u lejn nofsinhar kienet sħana ma ngħidlekx. Fuq il-venda kelli nsaqsi kif nista’ mmur in-Nadur, għax it-tabelli bagħtuni fuq il-bankina numru 5, imma l-bankina numru 5 ma kienet teżisti mkien. Qalli li għan-Nadur xi tliet kwarti ta’ siegħa oħra kienet se titlaq waħda. Kważi kważi kieku nimxiha nasal qabel.
Minflok, poġġejt bilqiegħda f’parapett bit-tinda f’ħanut tax-xorb, li naħseb jagħmel kemxa flus ġmielha bis-saħħa ta’ kemm iddum ma titlaq tal-linja li jmiss. Is-sħana kienet qabbditni għatx kbir u l-pinta Blue Label li ordnajt niżlitli għasel, imma fl-istess ħin imlietli żaqqi kemxejn iżżejjed.
Fil-fatt il-karozza tal-linja li ħadt lanqas kienet tan-Nadur imma tar-Ramla l-Ħamra (għal tan-Nadur kien ikolli nistenna iżjed). Inżilt fi triq fit-tarf tan-Nadur u qbadtha bil-mixi lejn Triq it-Tiġrija, bix-xemx kważi eżatt fuq rasi.
In-Nadur nafu tajjeb minn xogħol li kelli fil-ħajja ta’ qabel din. Il-forn tal-Maxokk, li jagħmel ftajjar tal-ġbejniet ta’ barra minn did-dinja, ili naf bih xi 25 sena. Minn Triq it-Tiġrija int u sejjer lejn il-Qala trid iddur mal-kantuniera fuq il-lemin fejn hemm niċċa.
Ftit passi ‘l fuq u tikser lejn ix-xellug għal ġo Triq San Ġakbu, taħt il-patroċinju tal-bandiera Amerikana, l-unika waħda qalb baħar ta’ bnadar Taljani u Ingliżi li jżejnu t-toroq Maltin meta jkun hemm xi kompetizzjoni tal-futbol bħall-World Cup.
Wasalt quddiem l-art imwiegħda!
Quddiem il-forn hemm pjazzetta b’bank tond fin-nofs u siġar jixħtu tikka dell. Kien hemm familja oħra qed jieklu l-ftajjar u ntfajt in-naħa l-oħra tagħhom.
Kemm kienet tajba! Tajba u ma tispiċċa qatt. Kont għadni mimli bil-pinta Blue Label u spiċċajt kelli nħalli ftit mill-ftira fil-kaxxa, imma ma kellix fejn narmiha.
Tal-linja lura għall-Imġarr kien jonqosha xi siegħa biex tgħaddi, u minflok nistenna ddeċidejt li mmur bil-mixi.
Fix-xogħol li kont nagħmel fil-ħajja ta’ qabel din kont skoprejt isem ta’ triq li tant baqa’ jaffaxxinani. Triq Xjuf ir-Riħ. Il-mixja lura għaddietni minn ħdejha. Sadattant ħadt triq b’oħra u sibt ruħi sejjer lejn il-Qala minflok lejn Għajnsielem u l-Imġarr. Spiċċat mixja epika ta’ xi siegħa u nofs min-Nadur sal-Qala u ‘l isfel għall-Imġarr, taħt xemx taqli l-ankri fl-eqqel ta’ waranofsinhar f’Ġunju, b’kaxxa bil-fdalijiet tal-ftira f’id waħda, kamera tar-ritratti f’idi l-oħra, basket fuq dahri u beritta fuq rasi li salvatli l-ġilda ta’ wiċċi minn ħsara enormi.
Is-sabiħa hi li mhux talli ma ddejjaqtx ninkewa, talli ħadt pjaċir nimxi. Wara, fuq il-vapur, kelli nixrob kaldarun tè inġazzat biex naqta’ l-għatx.











Leave a Reply