Jindaħlu lin-nies kif jgħixu ħajjithom

Kif iridu jibqgħu jinsistu jindaħlu lin-nies kif jgħixu ħajjithom!

Ħa nsemmi l-Iżlam.

Din li se nsemmi hija ġrajja drammatika li qed isseħħ issa. Żagħżugħa ta’ 18-il sena mill-Pakistan marret l-Ingilterra bit-tama li tibni l-futur tagħha billi tistudja f’università hemmhekk. Sitwazzjoni diffiċli, ma taf lil ħadd f’ambjent differenti ħafna minn dak li trabbiet fih, imma anki bl-għajnuna ta’ studenti sħabha li laqgħuha bħala waħda minnhom irnexxielha tkampa u tintegra tajjeb magħhom.

Darba minnhom filgħaxija ħarġet ma’ ħbiebha u xi ftit wara dehret f’ritratt fuq l-internet qed twettaq delitt ikrah… kienet qed tixrob xarba li fiha l-alkoħol. Il-ġenituri tagħha raw ir-ritratt u tant huma rrabjati għaliha li ddeċidew li daqshekk università għaliha. Marru għaliha hemmhekk biex joħduha minn hemm, imma n-nies tas-sigurtà tal-post ma ħallewhomx jidħlu. L-istudenta hija mara adulta, qed tistudja l-università bil-volontà tagħha u bil-liġi Ingliża ħadd m’għandu d-dritt jimponilha li ma tkomplix il-kors, lanqas il-ġenituri.

Imma sadattant, povra żagħżugħa, issa miċħuda mill-familja tagħha, trid tfendi għal rasha u bil-karità u l-qalb tajba ta’ ħbiebha. Inkella biex l-“għeżież” niesha jaċċettawha jkollha ċċedi l-ambizzjonijiet tagħha u min jaf x’kastig hemm jistenniha.

Bhejjem!

Min jaf kemm hemm nisa li meta jkunu barra jgħattu rashom mhux għax iridu imma għax imġegħlin. Ikollhom iġibu ruħhom kif titlob ir-reliġjon li trabbew fiha, inkella min jaf… Issib minnhom li jgħidulek li jgħattu rashom għax iridu huma, hekk biss iħossuhom komdi, mingħajr il-velu jħossuhom mikxufin. Ara kemm hu b’saħħtu l-ħasil tal-imħuħ. Liema persuna normali tista’ qatt tgħid li għandha bżonn patoloġiku li tgħatti rasha, jekk mhux għax għandha moħħha mċaqlaq sforz indottrinazzjoni kontinwa mit-tfulija?

Ikolli nammetti, l-Iżlam ibeżżagħni, għax il-pożizzjonijiet tiegħu bla kompromessi huma segwiti minn ħafna nies fostna u wisq nibża’ li bl-istess mod jippretendu li dawn il-pożizzjonijiet għandhom isiru r-regola.

Ħa nsemmi l-Ħalal. Il-Misilmin jgħidu li hemm ktieb qaddis, imnebbaħ mill-alla li jaduraw, li jgħid li l-laħam li jieklu jrid ikun safi għall-ikel. Biex il-laħam ikun safi jrid l-annimal li jipprovdi l-laħam iħanxrulu għonqu imma mhux is-sinsla tad-dahar, idendluh rasu ‘l isfel u jħalluh jiżvina sakemm imut. Prattika kiefra, ħarxa, terribbli, moqżieża, inaċċettabbli għas-soċjetà tagħna li temmen li sħabna l-annimali l-oħra li qed jgħixu magħna fid-dinja għandna nittrattawhom b’mod ħanin u nevitawlhom kemm jista’ jkun it-tbatija. Għandna anki liġijiet li jipproteġu lill-annimali, imma għax hemm min għandu r-reliġjon tippriedka l-ħruxija, allura jkollna “nirrispettawha” għax huwa t-twemmin tagħhom blablabla, u fil-fatt għal dawn kellna nagħmlu eċċezzjoni.

Bhejjem! Prattika ħażina ma tista’ qatt tiġġustifikaha bl-ebda reliġjon. Ħażina tibqa’!

Tifhmunix ħażin, ħbieb tiegħi. Il-ftit Musulmani li ttrattajt magħhom u li naf jien huma kollha nies mill-aħjar, prattikament mingħajr eċċezzjoni. Dawn huma prova ta’ kemm reliġjon tista’ tipprattikaha mingħajr ma tweġġa’ lil ħadd, mingħajr ma timponi u mingħajr ma tagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor miżerabbli.

Jista’ jkun hemm min minnhom jemmen li wara li jmut hemm jistennewh 72 verġni. Huma jafu, u jekk hux veru jemmnu hekk frankament ma jinteressanix. Imma għal uħud mhux biżżejjed li meta jmutu jkollhom 72 verġni jistennewhom. Iridu jimponu li kulħadd ikollu 72 verġni jistennewh meta jmut, u jimponuha bis-saħħa, bil-liġi tal-istat, billi joħorġu fatwa kontra min jikser ir-regoli, billi jċaħħdu l-opportunità tal-istudju lil binthom jekk tixrob l-alkoħol, billi jikkundannaw għall-mewt lil min jibdel ir-reliġjon, billi jheddu bil-vjolenza lil Lady Gaga jekk tmur l-Indoneżja.

Eħħ, jaħasra, il-ġenn tal-bniedem.

Bħal dawk li kultant jiġu jippritkawlna fuq minn xiex trid tkun tikkonsisti familja, u li għamliet oħra mhumiex familji. Addio kemm forsi qed iweġġgħu nies b’dan id-diskors.

Ħalluna ngħixu ħajjitna bil-kwiet jekk jogħġobkom, tistgħu? Kulħadd jemmen li jrid, imma ma nimponux fuq ħaddieħor. Grazzi.


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading