Ara min jazzarda jikkritika lil Malta

Skont Malta Today, it-tenur ċelebri Malti Joseph Calleja kkummenta fuq il-paġna tiegħu fil-Facebook kontra stazzjon televiżiv Ġermaniż li xandar dokumentarju xejn komplimentuż fuq il-mod kif il-kaċċaturi Maltin (jew għallinqas uħud minnhom) qed iħammrulna wiċċna mad-dinja.

Id-dokumentarju ma rajtux, u ma nafx jekk hux veru li pinġew stampa żbilanċjata fuq Malta. Jista’ jkun anki veru, u frankament mhux li jinteressani wisq.

Huwa veru wkoll li Calleja għamilha ċara li ma jaqbilx mal-kaċċa illegali. Not at all impressed, jew kif jgħidu t-Taljani: ci mancherebbe altro! Imma minflok irrimarka fuq kemm “ċerti” kaċċaturi qed iħammġulna isimna mal-bqija tad-dinja, Calleja għażel, kif għandna l-ħabta nagħmlu, li jikkundanna lil min iwassal il-messaġġ dwar ħaġa li qed issir ħażin, u mhux lill-awtur tal-ħażin innifsu.

Agħar minn hekk, għażel li jżeffen fin-nofs ħaġa li m’għandha x’taqsam xejn – l-immigrazzjoni illegali. Qalilhom, seħibna Joseph, b’fervur patrijottiku liema bħalu, li minflok il-kaċċa aħjar semmew il-problema tal-immigrazzjoni illegali “li qed tiffaċċja Malta”.

L-immigrazzjoni illegali hija problema għal Malta, veru. Huma problema ħafna u ħafna ikbar il-kawżi tal-immigrazzjoni illegali fil-pajjiżi tal-oriġini. Hija problema ħafna ikbar il-‘merħba’ ostili li qed nagħtu lil dawn il-povri nies. Imma dan għandu x’jaqsam mal-qerda tal-għasafar u l-kaċċa illegali fir-rebbiegħa, awtorizzata mill-gvern ta’ Malta, daqskemm il-ħass għandu x’jaqsam mal-bass.

Tibżax, kien hemm min tkellem u ġibed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni inumana li hemm fiċ-ċentri tal-akkoljenza f’Malta. Kontra dawn ukoll, qamu ħafna ‘patrijottiċi’ jħabbtu fuq sidirhom u jikkundannawhom.

Imma, allura, għax f’Malta teżisti problema ta’ immigrazzjoni illegali jfisser li għandna ninjoraw il-problemi l-oħra kollha? Bl-istess argument il-gvern Malti ma jmissux jieħu ħsieb itejjeb l-ambjent, għax għandna problema bl-immigrazzjoni illegali. Ma nallokawx aktar flus għall-kultura u l-arti, u nikkonċentraw biss fuq l-immigrazzjoni illegali.

Naf li ċerti nies, speċjalment fost dawk li jikkummentaw fuq il-website tat-Times, jirnexxielhom idaħħlu t-tema tal-immigrazzjoni illegali f’kull diskussjoni immaġinabbli. Immaġinajtu, u għadni nimmaġinah, daqsxejn ta’ livell aħjar minn hekk lil dan Joseph.


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading