Trattament allegatament differenti

Tirritani l-użanza li meta xi ħadd iwettaq delitt il-mezzi tal-aħbarijiet idaħħlu f’kull sentenza l-kelma “allegat” jew “allegatament”, anki quddiem evidenza ċara u ovvja, imma naf li dan isir minħabba l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza ta’ dak li jkun meta jitressaq b’akkuża kriminali.

Tajjeb. Mela xi ħadd akkużat b’delitt, ikun xi jkun, ngħidu li “allegatament” daħal fid-dar u għamel hekk, hekk u hekk, jew “allegatament” tajjar lit-tifla waqt li allegatament kien taħt l-influwenza tal-alkoħol.

S’hemm ftehemna.

Niftakar, kien baqa’ ċelebri wieħed Moħammed Ali Reżaq, li kien parti minn grupp li ħataf ajruplan tal-Egypt Air u niżżlu Malta. Ħtif li kien spiċċa bi straġi tal-innoċenti b’xi 60 ruħ maqtula. Dan Ali Reżaq kienu baqgħu jgħidulu l-“allegat pirata” sal-mument li nqatgħatlu s-sentenza mill-qorti ta’ Malta, u fil-fatt baqa’ ttimbrat f’moħħna bħala l-allegat pirata. (Xi ħames snin wara dan diġà kien skonta s-sentenza, imma dik storja oħra).

Ara, imma, iż-żewġ piżijiet u żewġ miżuri jekk xi povru diżgrazzjat li qed jaħrab minn gwerra jew persekuzzjoni jasal Malta ġo dgħajsa ffullata li waslet biex tegħreq. Dan ma ħaqqux preżunzjoni tal-innoċenza. Jaqtgħulu l-kundanna mill-ewwel, bla proċess, bla difiża, xejn: “illegali”. Dawn mhux allegatament illegali. Ara x’qalulna t-Times:

“This morning, a group of 136 illegal immigrants was brought to Malta on a patrol boat.

The  86 men, 43 women and seven children were picked up from a drifting dinghy some 72 miles south of Malta  after their boat was deemed to be in distress.

Among the migrants was a newborn, while another baby was born as a patrol boat was bringing the migrants to Malta.”

Lesta, maqtugħa s-sentenza għall-136 li huma. Ikkundannati sommarjament mit-Times of Malta bħala illegali.

U mela. Hekk sewwa u xieraq. Mit-tajjeb għall-aħjar.


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading