Giovanni u l-internet

Ilbieraħ kont qed nitkellem ma’ wieħed Giovanni, fuq il-mod kif it-television u iżjed u iżjed l-internet qed jgħaqqad id-dinja, u rrimarkajt li l-internet qed joħloq rivoluzzjoni li probabbli għadna lanqas rajna 10 fil-mija tal-potenzjal tiegħu.

Hija tema li ili sew naħseb fuqha, u stajt qgħadt indejjaq lil dan sieħbi Giovanni noqgħod nirrakkontalu kif naħseb għad jista’ jiżviluppa l-internet. Imma minflok ferrajna drink oħra, u issa ddeċidejt li naqsam  il-ħsibijiet tiegħi magħkom, għeżież żewġ qarrejja.

Aktar ma jgħaddi żmien qiegħed il-kompjuter ma jkollux użu jekk mhux ikkollegat mal-internet. Aktar ma jgħaddi żmien qegħdin l-apparekkji mqabbdin mal-internet dejjem jiċkienu u jsiru aktar mobbli. Dejjem aktar sar ikun possibbli li taqbad mal-internet minn kullimkien. L-informazzjoni kollha, mużika, videos, aħbarijiet, xandiriet diretti, kotba u naturalment kuntatti soċjali u personali, qegħdin kollha jkunu aċċessibbli mill-internet. Sa anki l-pożizzjoni ta’ oġġetti u persuni, ikunu fejn ikunu fid-dinja, saret possibbli li tkun tafha, jekk dik il-persuna jew l-oġġett jitwaħħlilhom mezz kif tibgħat is-sinjal biex isir dan. Dal-kunċett fil-fatt ilu jissemma xi ftit: jgħidulu l-internet tal-oġġetti, jew internet kullimkien. Iż-żmien irid jagħtina parir x’isem se jispiċċa jiġi ppreferut. Forsi jibqa’ jissejjaħ sempliċiment ‘internet’, għax essenzjalment ikun żvilupp fuq l-internet li għandna bħalissa.

Bil-mod kif jidhru mexjin l-affarijiet, nimmaġina ftit jonqos biex it-telefowns li nġorru magħna jkunu mqabbdin kollha mal-internet. Aktar ma jgħaddi żmien u jkomplu jiċkienu, se jibda jkun żgħir wisq biex timmanipula l-kontrolli, apparti li l-iskrin ta’ telefown żgħir wisq biex paġna ta’ websajt normali, jew xi logħba futbol jew film, tkun tista’ tarahom sew.

Allura s-soluzzjoni tkun… nuċċali. In-nuċċali jservi bħala skrin, u tista’ tikkontrolla l-istampa kif tidher fin-nuċċali. Tista’ tgħatti l-kamp tal-viżjoni kollha jekk nagħmlu mod qiegħed fuq xi vjaġġ ta’ erba’ sigħat f’ajruplan (l-ajruplan ikun imqabbad mal-internet u jipprovdi s-servizz tal-Wifi lill-passiġġieri) jew fuq xi kowċ jew trejn fuq vjaġġ fit-tul. Tista’ tagħmlu li tara l-karattri tal-kitba biss, u l-lenti jew il-ħġieġa tibqa’ trasparenti – l-istess kif tista’ tagħmel bit-teletekst fuq it-television. Jew iċċekken l-istampa – nistgħu ngħidulha l-window – biex tokkupa parti biss mill-kamp tal-viżjoni li tara fin-nuċċali. Fl-aħħar mill-aħħar, aħna u nħarsu lejn l-iskrin fid-dinja normali ta’ bħalissa, dan ukoll jimlielna biss parti mill-kamp tal-viżjoni li tidħol fir-retina.

Ovvjament bħalma llum il-ġurnata, meta nkunu biżlin nagħmlu xi ħaġa oħra, il-kompjuter jew l-internet ikunu mitfijin (jew online status = away), l-istess ħaġa tista’ tagħmel bl-internet portabbli. Żgur, pereżempju, li int u taqsam it-triq jew waqt li qed titkellem ma’ xi ħadd mhux se toqgħod tiċċassa lejn xi websajt. Imma t-triq li jidher li qabad ir-rwol dejjem jikber tal-internet f’ħajjitna – anki sempliċi pereżempju biex tara fi x’ħin ġej it-trejn li jmiss, jew issib l-indirizz tar-restorant, u issa anki tista’ taqra ktieb sħiħ mingħajr ma toqgħod iġġorru miegħek – se jwassal biex ħafna minna jkunu jridu l-internet il-ħin kollu. Din xejn m’hi esaġerazzjoni. Biżżejjed wieħed jara kif sirna nħossuna meta ma jkollniex il-mowbajl fuqna…

Bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien li jitfaċċaw dawn in-nuċċalijiet elettroniċi, probabbli jilħaq jispiċċa l-kunċett tat-television bħala xi entità differenti mill-internet. Effettivament, it-television kif nafuh illum jispiċċa darba għal dejjem, u l-istazzjonijiet kollha jibdew ixandru fuq l-internet. X’aktarx it-Tazza tad-Dinja tal-Qatar fl-2022 ħafna nies fuq in-nuċċali elettroniku se jarawha, fl-uffiċċju waqt il-ħin tax-xogħol (dawk li jkunu għadhom jaħdmu f’uffiċċju u mhux mid-dar).

Dan għadu m’hu xejn, imma. Ħajjitna qiegħda dejjem aktar tkun magħġuna ma’ din ix-xibka enormi ta’ kuntatti u ta’ informazzjoni li qed tgħaqqad l-umanità kollha kemm hi. Il-bniedem min-natura tiegħu huwa annimal soċjali u kurjuż, dejjem ifittex li jkun aktar infurmat, u għandna f’idejna l-għodda biex potenzjalment dawn iż-żewġ aspetti tan-natura tagħna nissodisfawhom sal-estrem. Maż-żmien, il-magni li jippermettu dan sejrin ukoll aktar ikunu magħġuna fil-persuna tagħna stess. M’għandniex għax narawha bħala xi ħaġa ta’ barra minn hawn din. Oġġetti artifiċjali ilhom jintużaw u jsiru parti mill-ġisem. Qalb artifiċjali, snien foloz, labar fil-ġogi, lentijiet tal-kuntatt…

Il-lentijiet tal-kuntatt huma verżjoni differenti, imma essenzjalment l-istess ħaġa, bħan-nuċċali. In-nuċċali elettroniku li semmejt qabel jista’ allura jkun fil-forma ta’ lentijiet tal-kuntatt. Jew nistgħu nkunu naqra aktar sofistikati, u b’mezzi kirurġiċi nimmanipulaw ir-retina stess biex tagħraf l-impulsi mibgħuta mit-telefown/kompjuter li jaqbad l-internet – l-iskrin tkun ir-retina tagħna stess. Imma sadattant it-telefown se jkompli jiċkien, u jsir biss ċippa li tista’ tiġi ttrapjantata fil-moħħ. Diġà saru esperimenti, u b’mod għalissa rudimentali s-swaba’ ta’ id artifiċjali jitħaddmu minn sidhom bis-saħħa biss tal-ħsieb. Mela l-prinċipju ġie stabbilit – il-moħħ jista’ jikkontrolla oġġett artifiċjali – u fil-futur il-mekkaniżmu jista’ biss isir dejjem aktar effiċjenti. ‘Il quddiem mhux se jkollna bżonn aktar il-guffaġni ta’ kompjuters li għandna bżonn issa, imma kollox ikkontrollat mill-moħħ.

Forsi xi ftit tal-biża’ taħseb fiha. Moħħna, apparti dak kollu li kapaċi nagħmlu bħalissa, ikollu miżjuda l-kapaċitajiet ta’ kompjuter. Meta rridu nistgħu nidħlu online, u meta rridu nittrażmettu ħsibijiet lil persuni oħra li jkunu online. Meta rridu nagħmlu xi somma, il-kalkulatur integrat fiċ-ċippa jaħdimhielna mill-ewwel. Niġġeneraw dokument miktub, nipproduċu tabella tal-Excel, eċċetra, bil-ħsieb biss. Nikkonsultaw il-Google, it-titjiriet u l-offerti tar-Ryanair, nordnaw xirja mill-Amazon, naqraw ktieb jew elf ħaġa oħra li tista’ ssir bil-kompjuter, kollox bil-ħsieb.

Hemm aktar. Nafu kemm żewġt imħuħ huma aktar b’saħħithom minn moħħ wieħed. Mela immaġina xi miljun ruħ kollha miftiehma biex isolvu problema. U mhux sempliċi miljun moħħ, imma miljun moħħ miżjuda bil-kapaċità ta’ miljun kompjuter, kull wieħed minnhom ħafna aktar b’saħħtu minn dawn li għandna llum! Forsi, mhux wisq fil-bogħod, il-bniedem se jilħaq l-estrem li semmejt l-ewwel fil-vokazzjoni naturali tiegħu li jinforma ruħu u jissoċjalizza. Jista’ jkun, mhux wisq fil-bogħod, li l-identitajiet tagħna jkunu jistgħu jagħżlu li jamalgamaw f’superintelliġenza, jekk mhux ukoll superidentità. Tkun ħlejqa ta’ dimensjoni planetarja, biljun darba aktar intelliġenti u biljun darba aktar konxja milli aħna issa. Ikun ġejjieni fejn jilħaq quċċata estremament eċċitanti l-ġens uman!


Dawn l-affarijiet ma lħaqtx għidthomlu lil Giovanni lbieraħ, u naħseb imnalla.


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading