Għall-benefiċċju taż-żewġ qarrejja regolari tal-blog, li forsi qed tinkwetaw għax taraw l-aħbarijiet u juru kif fit-tramuntana tal-Ewropa hawn straġi totali minħabba l-kesħa u l-borra.
Aħna hawn ħadida, u għaddejjin ħajja normali.
Tiskanta kemm l-aħbarijiet iġibuhom bi kbar kultant. Indunajt xi ġimagħtejn ilu, meta hawnhekk fil-Belġju għamlu kważi erbat ijiem xita bla waqfien, u mhux xita rqiqa lanqas. Konna rrimarkajna li anki bl-istandards ta’ hawnhekk kien ammont eċċezzjonali ta’ xita. Imma apparti minn hekk ma kien hawn xejn ta’ barra minn hawn. Ħriġt niġri regolari, filgħaxija morna nieklu għand ħbieb, ħajja normali insomma. Imbagħad xgħelna l-aħbarijiet.
Kont tieħu l-impressjoni li l-Belġju kollu kemm hu mgħarraq taħt metru ilma, u spiċċa kulħadd bid-djar mgħarrqa. Bosta filmati ta’ toroq li saru baħar u djar li spiċċaw kif jiġrilhom fi Triq il-Wied, l-Imsida, meta tagħmel ix-xita. Diżastru totali. Imma li ma ġabux, l-aħbarijiet Belġjani, kienu l-ħafna u ħafna postijiet oħra, kważi l-Belġju kollu kemm hu fil-fatt, li ma kellhom ebda problema partikolari ħlief l-inkonvenjent li kellhom jużaw umbrella biex joħorġu barra.
U għidt, prosit xi stampa qarrieqa jieħu min jara l-aħbarijiet! Ovvja, mhix aħbar jekk tagħmel ix-xita u l-ilma jinġabar fejn suppost. Imma li jegħrqu d-djar, dik aħbar, u dik biss naraw fuq it-television. Jekk imbagħad tiġri f’xi tliet postijiet differenti fl-istess ħin, waqt li fil-fatt ikun niżel ammont straordinarju ta’ xita fil-pajjiż kollu, fuq l-aħbarijiet tieħu l-impressjoni li qed jegħreq il-pajjiż kollu. Ara min jaf x’jaħseb imbagħad min jara l-Euronews minn xi 3000 km ‘l bogħod. “Mamma mia x’għandhom fil-Belġju msieken!”, “Hello! Kif intom, orrajt jew? Isma’, intom kollox sew hemm hu?”, u ma ttihomx tort jinkwetaw, għax stampa kerha jkunu qed juruhom. Anzi, grazzi u napprezzaw kemm taħsbu fina.
Fil-fatt, dan l-argument probabbli jgħodd anki għal dawk il-postijiet li jissemmew fl-aħbarijiet għax jinqala’ inkwiet politiku u diżordni fit-toroq. Tara nies jiġġieldu mal-pulizija tal-irvellijiet u affarijiet hekk, veru. Imma dawn ikunu distanza ta’ xi żewġ kantunieri b’kollox, u fil-bqija tal-pajjiż kollu kemm hu, ġeneralment pajjiż enormi, in-nies ikunu d-dar jieklu jew jaraw it-television bil-kwiet. Probabbli jkunu qed jaraw l-aħbarijiet b’kafè jew whisky f’idejhom, u jirrimarkaw x’għarukaża kif spiċċa l-pajjiż.
Leave a Reply