Agadir (il-Marokk) – Frar 2011

Tliet sigħat ‘il bogħod mill-kesħa u l-griż ma jaqta’ ftit li xejn tal-Belġju fi Frar…

… ħriġna mill-ajruplan u rfisna l-asfalt tal-ajruport ta’ Agadir. Kien tard waranofsinhar, b’temperatura komda ta’ xi 24 grad, xemx tiżreġ u bla ebda sħaba fis-sema. Għidtilhom, għalija diġà sodisfatt, nista’ nintefa’ hawn fuq l-asfalt u ma niċċaqlaqx għal ħamest ijiem, imdawwar b’temperatura perfetta u sema blu.

Qbadna taxi li għaddietna minn lokalità tipika Marokkina, Inezgane, u wara għall-belt illum turistika ta’ Agadir. Inezgane, minn ġot-taxi, diġà esperjenza minnha nfisha. Kien il-ħin meta kulħadd jispiċċa mix-xogħol. Geġwiġija totali ta’ nies jaqsmu t-triq, oħrajn għaddejjin fuq ir-rota, karozzi jserrpu, u ambjent ġenerali vivaċi u fl-istess ħin kemmxejn ta’ kafkaf tipiku ta’ raħal Għarbi.

Sibt interessanti nara x’kienu libsin in-nies. Bażikament kienu żewġ tipi – dawk tradizzjonali u dawk moderni. L-irġiel fil-biċċa l-kbira bħall-Ewropej, imma kien hemm ħafna oħrajn b’dik il-qmis twila li nassoċjaw mal-Għarab. In-nisa u t-tfajliet, kollha strettament mgħottijin sew, fil-parti l-kbira bil-velu. Tiskanta, hawnhekk fl-Ewropa peress li huma l-eċċezzjoni tant jagħtu fl-għajn u jiżgarraw. Hemmhekk huma n-norma, u wara ftit ħin tidrahom. Anki huma, għalihom normali daqskemm għalija nilbes qmis. Tant tidrahom, li huma dawk in-nisa aktar ‘risqué’ li jazzardaw jippassiġġaw barra b’rashom mikxufa li jispikkaw, u jkolli ngħid ukoll, imma, li ma jiżgarrawx.

Agadir bħala belt hija waħda ġdida, li reġgħet inbniet wara terremot devastanti fl-1960 li qered il-belt oriġinali kważi kompletament.

Mill-belt l-antika għad fadal biss dan:

 Wara l-ħajt… xejn, ħlief għall-bieb “oriġinali” rrestawrat:

Minn fuq l-għolja tara taħtek il-belt li nbniet wara t-terremot, yacht marina, il-port kummerċjali, il-port tas-sajjieda, u l-kosta – ramla twila bosta kilometri bil-mewġ tal-Atlantiku jħabbat bla waqfien.

Il-parti l-ġdida ta’ Agadir ma fiha xejn speċjali. Imma biżżejjed biex tgħaddi erbat ijiem ħdejn il-baħar ġo lukanda jservuk kollox, bi tliet ikliet kuljum, xorb, għawn f’pixxina msaħħna, u jekk tkun kuraġġuż biżżejjed taqbeż il-baħar (ma stajtx inkun pass biss ‘il bogħod mill-Atlantiku u ma ngħumx fih!). Maġenb ir-ramla hemm promenade wiesa’, bil-lejl imdawwal bil-floodlights, li l-isbaħ ħaġa tiegħu hi li magħluq għall-karozzi – kollu Marokkini u turisti jippassiġġaw jew (kif kont nagħmel jien kull filgħodu) jiġġoggjaw. ‘Il ġewwa mill-promenade… lukandi, waħda wara l-oħra, kollha faċċata tal-baħar, imbagħad ħwienet, il-yacht marina, u l-port tas-sajjieda. Din hi l-parti tad-dgħajjes iż-żgħar fil-port tas-sajjieda:

Eżatt ‘il fuq mill-port, fuq l-għolja fejn qabel kien hemm Agadir l-antik, kitba kbira bl-Għarbi, li bil-lejl tkun imdawla prominenti tidher minn kważi kullimkien: “Alla, ir-Re, il-Patrija”.

‘Il ġewwa mix-xatt fadal ħafna art vojta li għalija jidher ċar se timtela b’vilel, lukandi, postijiet ta’ divertiment, uffiċini u supermarkets. Agadir għandu potenzjal li jikber sew u jsir ċentru turistiku importanti fir-reġjun.

Ix-xufier tat-taxi li wassalna sal-kasbah l-imwaqqgħa, raġel simpatiku jismu Aħmed, offrielna li jdawwarna mal-belt. Wara qabbadnih ikun il-gwida tagħna tar-reġjun. Konna filgħodu mmorru ġita miegħu, u waranofsinhar nixxaħxħu ħdejn il-pixxina (fil-każ tiegħi nibla’ l-majnati mingħand Gianluca), nieħdu xi pancake, jew ġelat, jew kafè. Imbagħad filgħaxija ikla buffet ‘all you can eat’, show bla sens, bil-bar joffri sangrija jew cocktails on the house all included, u wara għar-raqda. Mamma mia x’erbat ijiem relax.

U filgħodu għall-ġita li jmiss ma’ Aħmed. Dar-ritratt ħadtu aħna u sejrin naraw il-kaskati ta’ Imouzzer. Din kienet waħda mit-toroq l-aktar spettakolari li qatt għaddejt minnhom, tgħaddi mill-hekk imsejjaħ ‘Vallee du Paradis’:

Dawn il-kaskati proprja:

Darb’oħra morna f’belt, Taroudannt, magħluqa b’ħajt mad-dawra kollha…

 … fejn ġewwa kien hemm l-istess ferneżija sfrenata ta’ nies, karozzi, roti, muturi u ħwienet, did-darba f’toroq dojoq, bħal ma konna rajna minn ġot-taxi f’Inezgane eżatt meta wasalna. Dħalna fis-suq (bil-lingwi Ewropej is-“souk”) – labirint ta’ passaġġi mgħottija b’soqfa se jaqgħu u ma jaqgħux miksija bil-pjanċi, bi ħwienet żgħar ibiegħu ħwawar, żraben, souvenirs, oġġetti tal-artiġġjanat il-ġmiel tagħhom, parrukkiera, ħwejjeġ, ġojjelli, ħelu, laħam, ħxejjex, għodod  għall-irziezet, sriedek ħajjin, mastrudaxxi jagħmlu l-għamara, oġġetti tad-dar… Kien hemm minn kollox għall-bejgħ, sa anki bramel magħmulin minn tajers riċiklati!

U hawnhekk ukoll, isuqulek bir-rota u anki bil-mutur!

Qed ngħidlek, esperjenza.


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading