Nostalġija

Laqatni sew dal-video, meħud fl-1989, wieħed u għoxrin sena ilu, tax-xatt ta’ Tas-Sliema u biċċiet minn San Ġiljan u Paceville. Tefgħu fuq il-Facebook ħabib tiegħi u għadda kumment fuq kemm hu familjari u fl-istess ħin kemm inbidlu affarijiet.

Veru!

Laqatni, l-ewwel nett għax il-post għalija huwa familjari immens. Mingħajr esaġerazzjoni, għal eluf ta’ drabi għamilt il-ġirja regolari tiegħi eżatt fil-postijiet murija fil-video. U allura nista’ mill-ewwel nirrelata u nosserva affarijiet li issa m’għadhomx hemm, imma li kieku kelli mmur nimxi fil-post issa u b’miraklu jkunu reġgħu ġew kif kienu qabel, ma nafx jekk nindunax mill-ewwel bil-‘miraklu’. Jien u nara l-faċċati tal-bini matul ix-xatt, li issa twaqqgħu, għarafthom tant li ma stajtx niftakar kif fil-fatt jinsabu issa. Daqshekk għandi stampa ċara mnaqqxa f’moħħi ta’ kif kien ix-xatt ta’ Tas-Sliema, anzi anki ta’ kif għadni naħseb (mhux neċessarjament bir-raġun) li suppost għandu jkun ix-xatt ta’ Tas-Sliema.

Xeni familjari, imma fl-istess ħin tinnota kemm f’21 sena nbidlu affarijiet. L-aktar li impressjonawni kemm jidhru antiki huma l-karozzi. Toqgħod taħseb, dak iż-żmien konna nqisuhom avvanzati mqabbla ma’ 21 sena qabel (l-1968), u issa tant jidhru primittivi. Probabbli 21 sena oħra (nibża’ nikkalkula kemm ikolli żmien… kważi sebgħin!) min jaf kemm il-karozzi li għandna issa se jkunu jidhru antikwati. Kif se jkunu mela, 21 sena oħra, itiru? Inviżibbli? Ħa nitfa’ tbassira, ħa, hekk jew hekk ħadd ma se jiġi jfakkarni dakinhar xi ktibt hawn illum. Ikunu jaħdmu kważi kollha bl-elettriku. Issa la nagħlaq sebgħin niċċekkja ħa nara jekk ipprevedejtx tajjeb.

It-toroq, il-bankini, il-poġġamani, tant jidhru mitluqa, tistħajjel qisu hemm kisja trab fuq kollox. Kien diġà beda l-proċess tat-twaqqigħ u bini ta’ blokki ġodda għoljin li għadu għaddej fl-aqwa tiegħu sal-lum (u li mid-dehra ma se jispiċċa qatt…). Djar tal-villeġġatura jistennew biex jitwaqqgħu. Il-fdalijiet tax-Chalet għadhom hemm. It-Tigullio. Ix-xatt ta’ wara l-Hilton, mingħajr dik il-geġwiġija ta’ bini u dak it-torri mostruż li hemm issa. Lanqas il-ġnien tal-konkrit ta’ taħt it-Torri ma kien għad hemm – kienu għadhom għelieqi.

Dak iż-żmien għadu frisk, frisk, f’moħħi, qisu ġimgħa ilu. Qisu biss imma. Kemm ġraw affarijiet minn meta nġibed dak il-video! Kull ma kelli 27 sena. Nies li naf, ħbieb tiegħi, illum irtirati u għandhom 62 sena, dak iż-żmien kienu prattikament żgħażagħ ta’ 41 sena. Inkredibbli! Ġraw affarijiet, ngħid. Aħseb biss fil-kompjuters – min kien jaf xi tfisser Windows jekk mhux twieqi?

Laqatni dal-video, għax qabbadni nostalġija għal żmien li nimmaġinaw kien aħjar. Imma naħsbu hekk biss għax konna iżgħar, u t-tip ta’ ħajja u ħafna nies, ħbieb u attivitajiet li konna nħobbu issa tlifnihom. Dawk ix-xeni ta’ żmien li m’għadux jeżisti, tant simili u fl-istess ħin tant differenti, għamilni konxju tal-passaġġ ineżorabbli taż-żmien. Ġurnata wara l-oħra ma tindunax bil-bidliet  li qed isiru, imma naqra naqra kollox u kulħadd qed jinbidel.

Ma naħsibx jagħmilli tajjeb noqgħod nhewden fuq il-passat. Memorja sabiħa, imma l-preżent sabiħ ukoll, u issa dak li jgħodd. Ejja ħa nipprepara għall-maratona li jmiss!

Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading