Darba mitt, u ftit wara ġejt jien

Fis-silta li ktibt l-aħħar darba ("Anzi m’għandix x’ngħid") qgħadt nhewden ftit fuq sitwazzjoni fantaxjentifika – nidħol f’magna li tikkopja fuq kompjuter eżatt kif jien magħmul, sal-inqas subatomu, lili tiddiżintegrani, tibgħat l-informazzjoni lejn New Zealand, u magna oħra tirriproduċi hemmhekk dak li kien hawn hawnhekk. Jien x’inħoss? Qisni dħalt minn magna u ħriġt minn ġo oħra, kif jiġri fi Star Trek?
 
L-aħħar darba ma solvejthiex. Imma issa għaddiet aktar minn ġimgħa (għax veru mhux qed ikolli x’nikteb) u tul daż-żmien naħseb ilħaqt wasalt għal konklużjoni.
 
Fil-fatt, l-ewwel verżjoni tiegħi, dik li tidħol fil-magna, tmut. Imma jekk il-proċess ta’ diżintegrazzjoni jkun mgħaġġel u effiċjenti biżżejjed, lanqas biss ninduna. Il-konoxxenza tiegħi twassal sal-mument li tingħafas il-buttuna. Imbagħad, xejn. Tkun qisha bħal meta tawni l-loppju għal operazzjoni fl-irkoppa. Sakemm bqajt taħt il-loppju setgħu daħħluni f’ajruplan supersoniku, żammewni taħt il-loppju għal 24 siegħa, u stenbħuni fi New Zealand. Jekk nerġgħu mmorru lura għall-eżempju fantaxjentifiku, it-tieni verżjoni tiegħi li titfaċċa fi New Zealand tkun tista’ taħlef li mument qabel daħlet ġo magna fl-Ewropa, u li hija fil-fatt l-istess persuna. Immeruh kemm immeruh lil dan it-tali fi New Zealand (jien?) m’hemm xejn li jiddistingwih mill-ewwel ‘verżjoni’, jew li se jdawwarlu fehmtu.
 
U dan iwassalni għal konklużjoni sorprendenti.
 
Ejja nibdew bis-sitwazzjoni fantaxjentifika. Tista’ taraha b’żewġ modi. L-ewwel mod kif taraha hu li jien immut malli jagħfsu l-buttuna, u jinħoloq bniedem ieħor li fiżikament għandu 47 sena, identiku għalija bil-karattru u l-memorja b’kollox, in-naħa l-oħra tad-dinja. Inkella tista’ taraha li jien ittrasportajt ruħi istantanjament mill-Ewropa għal New Zealand, bħal ma jagħmlu fi Star Trek.
 
Issa ejja nqabblu dis-sitwazzjoni mal-operazzjoni fi rkoppti. Li ġrali hawn ikolli ngħid li impressjonani b’mod profond. Kont ippruvajt nibqa’ konxju wara li tawni l-inġekxin tal-loppju, imma mbagħad il-bozza ta’ quddiemi bdiet tiċċajpar u… erġajt stenbaħt mill-ewwel. Fil-fatt kienu għaddew siegħa u nofs, imma kien bħal li kieku f’dawk is-siegħa u nofs ma kontx neżisti. X’hemm differenti bejn din il-ġrajja u dik li nerġa’ nitfaċċa fi New Zealand? Forsi tgħidli, fl-operazzjoni bqajt fiżikament l-istess persuna, u ta’ New Zealand huwa xi ħadd ieħor. Ma tantx jinżilli dal-argument. Aħna f’affari ta’ sitt xhur ġisimna jirriġenera lilu nnifsu kollu kemm hu. M’hemm ebda atomu ġo fija li ilu aktar minn sitt xhur (apparti l-mili tad-dras…). Sitt xhur ilu jien, u int, għażiż jew għażiża qarrejja, konna magħmulin minn materjal li issa jinsab mifrux litteralment mal-erbat irjieħ tad-dinja. Allura tfisser li konna persuni differenti? Le, hu? Mhux l-atomi infushom li jagħmluna l-istess persuni, imma s-sensazzjoni, il-memorji, il-karattru, eċċetra. Diffiċli tikkonvinċi lill-persuna li tfaċċat fi New Zealand li ħajjitha bdiet f’dik is-sekonda, ladarba diġà għandha l-memorji kollha identiċi għal dak li daħal f’gabuba fl-Ewropa u ġie kkupjat u ddiżintegrat. Daqs kemm hu diffiċli tikkonvinċi lili li Tonio Privitelli li ħa l-loppju u tilef kull konoxxenza qabel l-operazzjoni miet, u li siegħa u nofs wara stenbħet persuna differenti.
 
Il-problema hi marbuta ma’ mistoqsija kruċjali, li hija din: eżattament, jien x’jien? 
 
Ir-risposta tista’ tkun li jien (u int, u kulħadd) kull wieħed minna aħna biss sensazzjoni istantanja. Għandna l-memorja tal-passat kollu, imma l-passat kollu għadda u spiċċa, anki kwart ta’ sekonda ilu. Jeżisti biss il-preżent.
 
Dan kieku jispjega jien xi nħoss kieku nidħol f’dik il-magna tal-iStar Trek, u jekk nibqax l-istess jien wara li nitfaċċa fi New Zealand, jew f’xi pjaneta oħra. Jien naħseb dak li nħoss ikun jixbah ħafna dak li ġrali meta ħadt il-loppju (dejjem nassumi li l-magna tad-diżintegrar ma tweġġax…). Jekk nibqax l-istess jien allura ssir domanda irrelevanti, għax "jien" huwa sensazzjoni istantanja marbuta ma’ persunti magħmula minn ġismi. Qisni qed ngħid, kieku naqa’ f’koma u sena wara nistenbaħ, il-materjal ta’ ġismi kollu mibdul, imma fl-istess forma, nibqa’ jien? Legalment nibqa’. Fis-sensazzjoni nibqa’. Imma dak li kont jien sekonda ilu diġà għadda u telaq. Tonio Privitelli li daħal fil-magna fl-Ewropa miet. U anki dak li ngħata l-loppju. U anki dak li beda jikteb dis-sentenza. Il-preżent biss jeżisti, u huwa istantanju.
 
 

Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading