Tajba din. Mela ż-żewġ qarrejja ta’ dal-blog spiċċaw kellhom jikkonkludu li m’għadux attiv. Tant kelli x’nagħmel dan l-aħħar li ma kelli assolutament l-ebda ċans nikteb hawnhekk. Issa għandi skoss ħin m’għandix x’nagħmel, u allura għandi kemm irrid ċans biex nikteb. Riżultat? BAĦĦ! M’għandi xejn x’ngħid. U meta wieħed ma jkollux x’jgħid, l-aħjar li jagħlaq ħalqu.
Imma sadattant ftakart f’biċċa taħbil il-moħħ li kont ħsibt fiha xi ftit taż-żmien ilu. Din kienet ispirata mis-sensiela Star Trek, meta kienu jidħlu f’kaxxa u jiġu ttrasportati dak il-ħin għal post xi skoss miljuni ta’ mili ‘l bogħod.
Immaġina mela fil-futur, isibu mezz kif jimmappjaw persuna (pereżempju lili) bi scanner, sal-inqas subatomu, fuq memorja ta’ kompjuter. Ikun hemm magna n-naħa l-oħra tad-dinja, fi New Zealand, li kapaċi tirċievi din l-informazzjoni bl-internet, u tista’ tirriproduċi din il-persuna (lili), billi tgħaqqad flimkien l-istess kwantità ta’ subatomi, li jkollha maħżunin f’tank, eżatt l-istess kif qegħdin fija hawnhekk fl-Ewropa. Tiġi speċi ta’ copy and paste, imma minflok informazzjoni diġitali jkunu s-subatomi li qed jiġu kkupjati.
X’joħroġ mill-magna? Ħeqq, naħseb bniedem eżatt bis-sura tiegħi, eżatt bl-istess memorja, karattru, ideat, kollox. Inkun prattikament jien. Il-memorja li jkollu l-kopja tiegħi fi New Zealand tkun twassal sal-mument li ppreżentajt ruħi quddiem l-iscanner fl-Ewropa, imbagħad f’daqqa waħda l-kopja jsib ruħu fi klinika ġo New Zealand. Fil-memorja u anki fiżikament iħossu qisu ilu jeżisti daqs kemm ili ħaj jien. Niġu żewġ verżjonijiet tiegħi, b’memorja u personalità identika, li tinfired mill-mument tar-riproduzzjoni bil-magna fi New Zealand.
Issa ejja nvarjaw l-esperiment bi ftit, u nġibuh eqreb għall-iStar Trek. Minflok copy and paste, nagħmlu… cut and paste! Jintużaw xi raġġi u lili jġibuni plażma, imma fuq New Zealand il-magna ssawwar kopja identika, bil-memorja, personalità, eċċetra b’kollox. Tgħid inkun qisni dħalt f’gabuba fl-Ewropa, u noħroġ minn gabuba oħra fi New Zealand? Jew jiġri li fil-fatt jien immut? Dak fi New Zealand ikun persuna oħra, jew inkun jien stess? Tinsiex, l-istess memorja, ideat, karattru, kollox, KOLLOX, l-istess ikun, u safejn jista’ jiftakar daħal f’gabuba fl-Ewropa u ħareġ minn oħra fi New Zealand.
Stramba tkun kieku, u d-dubju ma naħsibx li jista’ jissolva. Għax anka kieku l-proċedura ssir xi ħaġa komuni, il-kopji kollha jaħilfu li għadhom l-istess persuna li daħlet fl-iscanner, imma lil dawk li fiżikament daħlu fil-‘kopjatur’ qatt ma nistgħu nsiru nafu x’ħassew. Kieku jien ma nippruvahiex, u minflok nuża ajruplan.
Leave a Reply