Kien fis-snin sebgħin, meta kelli dawk il-ħdax, tnax, tlettax-il sena, li kont bdejt insegwi lil Mike Bongiorno, meta kien jippreżenta l-kwiżż Rischiatutto. Dawk kienu żminijiet ta’ television strettament bil-black-and-white. Kellna għażla ta’ tliet kanali b’kollox, il-Malti (dak iż-żmien MTV), it-Taljan (issa Rai Uno), u s-Secondo (issa Rai Due). Daqshekk biss. Il-Malti kien jibda fis-sitta ta’ filgħaxija, u t-Taljan fin-nofs siegħa ta’ waranofsinhar.
Ma nafx għaliex, aħna aktar konna naraw il-programmi bit-Taljan. Ħabat tajjeb, għax b’hekk tgħallimt il-lingwa sew. Kien ikun hemm Canzonissima s-Sibt filgħaxija fejn konna naraw kantanti Taljani li wħud minnhom baqgħu famużi s’issa – Massimo Ranieri, Gianni Morandi, Rosanna Fratello, Caterina Caselli, I Ricchi e i Poveri, Nicola di Bari (kien idejjaqna), Peppino di Capri (ukoll), Albano, Orietta Berti (Finche la barca va, lasciala andare…), Mino Reitano, Nada, I Dik Dik, I Nuovi Angeli, nista’ nibqa’ għaddej… X’nostalġija!
Imbagħad il-Ħadd filgħaxija, nofs logħba futbol tas-Serie A fis-sebgħa (juruna t-taqsima fejn l-aktar ġew skurjati gowls). Kont nistenna bil-ħerqa ħa nisma’ lill-announcer tgħidilna x’logħba se juru, u nirrabja meta ma jurux il-Juventus. Kien il-bidu ta’ passjoni fuq il-futbol li kompliet sa qrib 40 sena wara…
Oggi Le Comiche kien ikun is-Sibt fin-nofs siegħa. Hemmhekk skoprejt il-ġenji tal-films komiċi ta’ żmien is-silent – l-ewwel tnejn u l-aktar famużi ovvjament Charlie Chaplin u Laurel and Hardy (passjoni oħra dawn tal-aħħar), imma wkoll nies bħal Harry Langdon (il-baby face), Harold Lloyd (bin-nuċċali tond u bil-kappell), Ben Turpin (il-werċ), il-Keystone Cops (isimhom baqa’ proverbjali sal-lum), Buster Keaton (ma jidħaq qatt, u dejjem b’xi folla nies jiġru warajh). Kemm kienu tajbin dawn in-nies, KEMM KIENU TAJBIN!
Imbagħad, il-Ħamis filgħaxija, ma konniex nitilfu r-Rischiatutto ta’ Mike Bongiorno. Għalija jibqa’ l-aqwa programm ta’ kwiżż li qatt kien hawn. Konkorrenti mħarrġa, bravi, kolti; u preżentatur li ismu kien, u baqa’, sinonimu mal-kwiżż tat-television. Kien jagħmel diskursata sħiħa ma’ kull wieħed mit-tliet konkorrenti, li wieħed minnhom kien ikun il-Campione mill-ġimgħa ta’ qabel. Sa pataflun ġurnalisti jiġbdu r-ritratti kienu jmorru fil-programm. In-nutar, il signor No, Ludovico Peregrini, kien jieħu ħsieb li kollox jimxi kif suppost. Ma nafx, forsi s-snin jixħtu dawl benevoli fuq il-passat, imma jkolli nirrepeti anki fuq ir-Rischiatutto: kemm kien tajjeb!
Kien iddispjaċiena meta r-Rischiatutto spiċċa. Wara kien hemm programmi ta’ kwiżż oħrajn ta’ Bongiorno. Fosthom niftakar Flash, Superflash, Handicap u Lascia o Raddoppia (it-tieni sensiela tal-programm li kien sar magħruf bih għall-ewwel darba). Imma l-ebda wieħed minnhom ma kellu l-faxxinu u l-maġija tar-Rischiatutto. Imbagħad reġa’ ddispjaċiena meta l-Mike telaq lir-Rai biex jingħaqad ma’ ċertu Silvio Berlusconi li kien fil-bidu tal-avventura tiegħu li wasslet għall-ġgant li llum hija l-Mediaset. Hemmhekk bdiet it-tieni fażi tal-karriera tal-Mike, li inevitabbilment kienet waħda ħafna aktar kummerċjalizzata, u spiċċaw anki kienu laqqmuh bejjiegħ tal-grocer. Imma l-kwalità tal-programmi ta’ kwiżż tal-Mike kienet għadha hemm kollha kemm hi.
Il-Mike ħalliena llum, fl-età ta’ 85 sena. Kien għadu attiv, tant li kien qed jaħdem biex jippreżenta sensiela ġdida ta’…. Rischiatutto! Attakk tal-qalb, u l-bozza ntfiet.
Grazzi mill-qalb, Mike. Forsi tista’ tiżgarra l-espressjoni li se nagħlaq biha, imma fl-istess ħin naħseb li hija xierqa wkoll. Il-Mike għamilha famuża, u wara kollox naħseb tajjeb li, minflok nibku, nifirħu u niċċelebraw il-ħajja ta’ bniedem li swiet biex id-dinja tkun post aħjar: ALLEGRIA!
Leave a Reply