Ali Baba jmur Marrakech

Irrid nagħmilha ċara mill-bidu li nqis il-Marokk bħala pajjiż affaxxinanti, wieħed mill-favoriti tiegħi. Li se nirrakkonta hawn huma ġrajjiet kemxejn ikkuluriti li jenfasizzaw kemm dan huwa pajjiż speċjali, bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu bħalma għandu kulħadd.


Il-pjazza Jemaa El-Fna hija l-qalb tħabbat tal-belt ta’ Marrakech, fil-Marokk, u hija sit ta’ wirt dinji tal-Unesco. It-taxi mill-ajruport niżżilna hemm fl-10 ta’ billejl, u kellna nimxu minn ġo fiha għal ġewwa l-medina, fejn konna bbukkjajna kamra f’alloġġ tipiku msejjaħ riad.

Il-ġenn fil-pjazza kien xi ħaġa li qatt ma rajt bħalha! Il-bagalji tagħna u ta’ familja oħra għabbewhom f’karretta, u żagħżugħ Marokkin beda jiġbed il-karetta b’idejh fid-direzzjoni tal-medina. Iż-żewġ familji mxejna attenti warajh, inżommu ma’ xulxin bi trepidazzjoni mingħajr ma bilkemm nistgħu nifhmu x’laqatna. Madwarna kien hemm folol u rassa, għajjat, titjir ta’ dwal ikkuluriti, tnabar, xadini fuq l-ispallejn, gabbani tal-ikel u l-meraq tal-larinġ, ħwejjeġ, suvenirs, artiġjanat tal-ħadid, sriep jiżfnu għad-daqq tal-flawt… Iż-żagħżugħ bil-karetta baqa’ għaddej b’pass mgħaġġel, qisu mhux hu. Fil-medina t-triq djieqet, bi ħwienet kull naħa, aktar gabbani tal-ikel, muturi żgħar iserrpu qalb in-nies, u aktar folol u rassa. Tal-blieh.

Dorna għal ġo sqaq, u l-istorbju batta.

Konna ridna esperjenza “awtentika” Marokkina u allura bbukkjajna riad ġewwa l-medina. Kienet ħelwa, oażi ta’ ħemda fil-qalba tal-kakofonija. Kellha erbat ikmamar imdaqqsa mdawrin ma’ bitħa ċentrali, b’vaska ċkejkna fin-nofs. Il-ħemda kienet miksura bl-għajjat ta’ xi tfal jilagħbu l-ballun. Ma jimpurtax, imbagħad jidħlu ġewwa jorqdu, u jaqa’ s-skiet. Sakemm, ftit sigħat wara, filgħodu kmieni qabel ma jbexbex:

“Allaħ hu akbar… Allaħ hu akbar…”, u jkompli jelabora b’dik l-intonazzjoni tant karatteristika tad-dinja Musulmana. Minn għadd ta’ loudspeakers, kull wieħed immuntat fuq moskea differenti, u jinstema’ minn distanzi differenti. Huwa l-istess recording sinkronizzat mil-loudspeakers kollha, imma l-ħoss jasal f’ħinijiet differenti b’effett ta’ eku li fil-ħemda ta’ qabel is-sbieħ jinstema’ tabilħaqq stramb. “Allaħ hu akbar”… jagħmlu tassew ħilithom biex itambruhielek ġo moħħok. Fil-fehma tiegħi, ħela ta’ ħin u ta’ sforz. Dawk li jaħsbu li Allaħ hu akbar m’għandhomx bżonn min joqgħod jgħidhielhom b’loudspeakers qawwija. U jekk ma taħsibx li Allaħ hu akbar, ebda ammont ta’ ripetizzjoni ma se tikkonvinċik, speċjalment jekk tqajmek minn raqda fil-fond qabel ma jkun sebaħ. Anzi, iktar hija kontroproduċenti għax iddaħħallek f’moħħok skoss ħsibijiet eretiċi minflok.

Il-Jemaa El-Fna kienet pjuttost kwieta fid-9.30 ta’ filgħodu. Marrakech jidħol jorqod fit-tard u jistenbaħ tard. Is-suq kien qed jarma. Il-vannijiet li jbiegħu l-meraq tal-larinġ kienu diġà hemm. Kellna xemx tiżreġ imma kien għadu l-frisk. Quddiemna kellna ġurnata sħiħa ta’ skoperta f’din il-ġenn ta’ belt.

Id-dawl tal-ġurnata jagħti perspettiva tant differenti. Dalgħodu, b’inqas attivitajiet għaddejjin, il-pjazza dehret normali. Imxejna lejn il-minarett imponenti tal-moskea ta’ Koutoubia. Għaddejna maġenb sriep kobra ħajjin, bis-sidien tagħhom iħejju biex jibdew idoqqulhom il-flawt. Żammejna ferm ‘il bogħod minnhom. Serp dejjem serp, ħsibna, u tajjeb tħallilu l-wisa’.

Ġiex minuti wara ltqajna ma’ tip differenti ta’ serp. Anzi, pjuttost kien vampir fl-għamla ta’ xiħ b’wiċċu mkemmex. Ġie fuqna u offra gallettina lil Gianluca.

“Grazzi!” (jekk mhux ukoll “Xukran” mingħandi, l-iblah tal-grupp). Indunajt li Sue kienet qed tipprova ġġebbidna ‘l hemm. Imbagħad beda jlablab, il-paroli fil-vojt tas-soltu, minn fejn intom… Malta… ah, Malta! Blah blah blah eċċetra. Imbagħad ta gallettina lili u oħra lil Sue, li ma rnexxilhiex issib mod kif tirrifjuta (eventwalment, waddbitha f’bin).

Kollox kien miexi ħelu ħelu fid-direzzjoni tal-mument kruċjali. Ix-xiħ ressaq idu l-leminija ‘l quddiem, bil-pala tħares ‘il fuq, u beda jogħrok sebgħu l-kbir mas-swaba’ l-oħra. Il-ġest universali li jfisser: flus. Missni kont naf, kont anki ġejt imwissi! Kemm trid? Għolla spallejh – “50 dirham…?”

“X’inhu! 5 ewri għal tliet gallettini?” Tajtu karta ta’ 20 dirham, u minn dak il-ħin bdiet battalja bejni u l-popolazzjoni ta’ Marrakech. Jiddispjaċini, diġà semmejt li l-Marokk huwa pajjiż affaxxinanti, imma ħej, ma jħallukx bi kwietek. Ma jafux li jien kważi qatt ma nixtri xejn. Jekk niġi bżonn xi ħaġa nipprova nillapazza b’li għandi, u meta veru niġi dahri mal-ħajt imbagħad immur nixtri. Jiġifieri tiġix tipprova tbiegħli xi ħaġa li m’għandix bżonn u li ma saqsejtx għaliha. Hija filosofija li ddaħħalni f’konflitt f’postijiet bħal Marrakech!

Quddiem ir-ristoranti jiġu fuqi biex nidħol ġewwa (“Grazzi, diġà kilt”), quddiem uffiċċji tal-ivvjaġġar jew tal-eskursjonijiet, quddiem hammam (li m’għandix idea x’inhu)… “¿Español? English? Italiano?” Le, grazzi, ngħidilhom, nagħmel is-sinjali b’rasi u b’idejja u nkompli miexi. “Excursion? Sahara?” Le, grazzi.

“Tannery! Tourist! Best leather in Marrakech!” Le, grazzi. “¿Español? English?” Darba minnhom qabżitli: Użbekistan! Żgur ma jafux bl-Użbek. “Ah, Uzbekistan! Pakistan!” U lanqas iħalluk tintilef fil-paċi. Jekk jindunaw li ntlift jew jarawk tiċċekkja mappa, jiġu fuqek u jinsistu li juruk it-triq. “Le, grazzi.”

Ma nafx, forsi qed noħroġ ta’ arroganti? Il-fatt hu li meta jkolli problema nipprova nsolviha waħdi, u fl-aħħar, jekk veru neħel jew naqta’ qalbi, imbagħad insaqsi. L-istess bħax-xiri. U l-iktar ħaġa li ddejjaqni f’dan kollu hija l-intenzjoni wara dil-ħerqa kollha biex jgħinuni. Jippretendu li tagħtihom bakshish (li minnha l-Malti ħareġ il-kelma “buqxiex”, u fil-fatt tfisser “tip”) wara li jkunu insistew li jgħinuk mingħajr ma tlabt għall-għajnuna.

Jaqbilli wkoll ma nersaq lejn ebda souk (“suq”). Hemmhekk ikun mistenni minni li niġġebbed u ninnegozja l-prezz. Għall-kuntrarju tiegħi, Sue togħġobha wisq dil-logħba u tibqa’ tinsisti għal skontijiet assurdi u imbarazzanti. Jien naħrab niġri ‘l hemm biex niddiżassoċja ruħi. L-istess bħall-iskiing, mhix id-dinja tiegħi. Tini nimxi u niġbed ritratti sbieħ minflok.

Il-mixi u r-ritratti sbieħ wasal il-mument tagħhom ukoll, u jekk ma tridx bis-saħħa ta’ eskursjonijiet, imma għall-inqas eskursjonijiet li dħalna nsaqsu għalihom aħna. Il-kaskati ta’ Ouzoud jew Essaouiri jibqgħu memorabbli!

Anki ġo Marrakech stess, ukoll issib rifuġji ta’ kwiet, sbuħija u kenn mill-folol ta’ bejjiegħa u xerrejja u muturi żgħar u roti jserrpu ġo nofshom. Mhux hawn:

Imma, pereżempju, fiż-żona ta’ madwar il-moskea ta’ Koutoubia:

Jew il-lukanda Mamounia, palazz lussuż b’ġonna mdaqqsa fuq wara, li tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku mill-11 ta’ kull filgħodu:

Waqafna nistrieħu fiż-Zeitun Café, faċċata tal-moskea tal-Kasbah. Dan ma jservix alkoħol, li f’Marrakech jinbiegħ biss f’bars, u mhux bl-irħis.

Il-palazz ta’ Badii kien għadu kemm ġie restawrat:

Il-ġonna ta’ Majorelle ħelwin ukoll. Dawn tfasslu mill-artist Jacques Majorelle fl-1924, li huwa famuż għall-fatt li ġab trademark għal kulur li ħoloq, il-Majorelle blue. Huwa lewn tassew rimarkevoli.

Il-palazz ta’ Bahia:

Ir-ristorant El Bahia:

Tant postijiet sbieħ, u oħrajn li ma lħaqniex rajna, peress li…


…. eventwalment, bħal ma jiġri dejjem, wasal il-mument li naqbdu t-triq lura:


Il-moral ta’ dan kollu hu li, jekk tkun il-Marokk u mhux wisq ‘il bogħod minn Marrakech, tajjeb li żżur din il-belt estremament interessanti għal esperjenza mhux tas-soltu u ferm spettakolari. Imma iktar minn żewġt iljieli, speċjalment fil-medina, jeħtieġu kuraġġ u qlubija.


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading