L-ilma huwa l-aktar kompost abbundanti fl-univers. Fl-istati differenti tiegħu, kemm jekk solidu, likwidu jew fwar, il-kompost bil-formula kimika H2O huwa parti ewlenija ta’ ħafna mill-aħjar ritratti li nieħu. Hawnhekk se nieħu lilkom, għażież qarrejja, fuq vjaġġ ta’ skoperta u apprezzament tal-forom differenti tal-ilma u tal-ispettaklu offrut mill-ilma fin-natura.
Niddikjara l-wirja miftuħa!
Nibdew bl-ilma fl-għamla l-aktar statika, is-solidu.

Din hija xena li rari tara fil-Park ta’ Tervuren, il-Belġju. Il-post mnejn ġbidt ir-ritratt normalment ikun għadira mdaqqsa. Bil-Malti… lake? Ħadd ma jgħid “lag”. Ħadd. Imma apparti dan issa. Fuq ix-xellug tiegħi kien hemm tfal, żgħażagħ u mhux daqstant żgħażagħ jiskejzjaw fuq is-silġ. Il-lake kien iffriżat wara għadd ta’ ġranet ta’ temperaturi l-ħin kollu taħt iż-żero. Kienet anki niżlet il-borra wara li l-ilma ffriża, u din kompliet toħloq xenarju msaħħar il-ġmiel tiegħu, qisu kartolina tal-Milied.
Għodwa minnhom imma mhux f’dik ix-xitwa, f’Marzu 2018, kien is-Sibt, fil-parti ċentrali tal-Belġju niżlet kwantità sew ta’ borra matul il-lejl. Kien imbassar li t-temperatura se togħla ‘l fuq miż-żero matul il-ġurnata, u għalhekk Gianluca u jien ħriġna ‘l barra malajr biex immorru nimxu u napprezzaw il-kampanja tal-Belġju miksija bil-borra, qabel ma din iddub. Kienet mixja fantastika!


Forma tal-ilma li hija anki iktar statika mill-borra hija s-silġ. Mela ejja mmorru fil-pajjiż imsemmi, għalkemm mhux bil-Malti, għas-silġ: l-Iżlanda.

Din hija iceberg fil-laguna Jökulsárlón. Tinsiex li parti waħda minn kull għaxra biss tas-silġ li jkun qed iżomm f’wiċċ l-ilma jkun ‘il fuq mill-wiċċ, li jfisser li l-parti tal-iceberg li qiegħda taħt l-ilma hija disa’ darbiet ikbar. Hawnhekk, biċċiet minn glacier bl-isem impronunċjabbli ta’ Breiðamerkurjökull jitqaċċtu u jiżżerqu għal ġol-laguna u minn hemm jimxu mal-kurrent sakemm jispiċċaw fl-oċean Atlantiku. Ħafna biċċiet iżgħar tas-silġ jittellgħu mill-mewġ fuq ramla sewda eżatt maġenb il-laguna bl-isem pittoresk u evokattiv tal-Bajja tad-Djamanti.


Tieħu idea tal-iskala tad-daqs jekk tinnota, fil-bogħod, nies jesploraw qalb il-biċċiet tas-silġ, qishom nemel. Interessanti wkoll, bilħaqq, li r-ritratti t’hawn fuq mhumiex bl-iswed u bl-abjad u huma kollha meħudin bil-kulur.
Kont qed insemmi glacier. Dan huwa t-tarf ta’ glacier:

Aktar tard dakinhar morna f’wieħed mill-aktar postijiet spettakolari li qatt kont fihom. Konna ġejjin lura minn Jökulsárlón u trejqa estremament imħarbta wasslitna fit-tarf ta’ glacier li lanqas kien immarkat fuq Google maps. Bqajna mbellhin! Tista’ tara dan il-video qasir biex tieħu idea.
Meta t-temperatura taqbeż iż-żero, is-silġ idub u jsir ilma fil-forma likwida kif nafuh l-iktar. Huwa veru li l-ilma likwidu jaf inixxi mill-kanen, jgħarraq id-djar u jħassrilna ġimgħa vaganzi. Imma ħej, kemm jaf ikun sabiħ. Inqalleb fost ir-ritratti u nitgħaxxaq. Banju ta’ ġmiel.

Hawn fuq il-Qawra, San Pawl il-Baħar, ftit minuti bil-mixi mid-dar tagħna f’Malta.

Dan ġewwa Lembeek fil-Belġju. Ftit huma n-nies li ma joqogħdux fih li jafu b’dal-post.

Id-diega ta’ Laggan fl-Iskozja, mibnija fuq ix-xmara Spean.

Il-kosta tal-Montenegro.

Hawn fil-Montenegro wkoll, Lake Skadar fuq il-fruntiera mal-Albanija, fejn prattikament ġejt maħtuf mill-manager tal-“uffiċċju tat-turiżmu” ta’ Virpazar u tteħidt għal ġita verament sabiħa bid-dgħajsa madwar il-lake. Kelli nħallas, naturalment, imma insomma…
Sfortunatament, kien ilma wkoll, fl-għamla ta’ ċpar, li ħassarli l-isbaħ veduta li hemm fil-Montenegro. Ħeqq, paċenzja:

Storja għalkollox differenti fi Xrobb l-Għaġin, fix-Xlokk ta’ Malta fl-eqqel tas-sajf.

Inħares lejn dan ir-ritratt u kważi nisma’ l-għajjat qawwi tal-werżieq, tipiku tas-sajf twil u sħun tal-Mediterran.

Storja oħra differenti, 30 grad inqas fit-temperatura fi sbieħ il-jum fuq il-kosta tan-Nofsinhar ta’ Jylland fid-Danimarka. Fil-bogħod jidher ix-xatt tat-Tramuntana tal-Ġermanja. B’xatt il-baħar dieħel u ħiereġ u bosta gżejjer żgħar, id-Danimarka huwa post ieħor tajjeb biex tapprezza l-ilma, jekk hux fi stat kalm:

… jew bħala medda mistagħdra li testendi għal mijiet ta’ kilometri li jinkludu l-kosta tal-Majjistral tal-Ġermanja lejn l-Olanda, magħrufa bħala l-Baħar Wadden:

… jew il-furja salvaġġa tal-Baħar tat-Tramuntana:

L-ilma qed isir dejjem aktar imċaqlaq. Se nkompli dan il-vjaġġ virtwali billi ninżel eluf ta’ kilometri lejn in-Nofsinhar, fl-Afrika, preċiżament il-Marokk. Eżotiku, spettakolari. Sinjuri, nippreżentalkom il-kaskati ta’ Ouzoud.

Nerġa’ niġbed l-attenzjoni għan-nies żgħar qishom nemel, li jagħtu idea tad-daqs tal-post. U peress li hu daqshekk faċli biex tivvjaġġa b’dan il-mod, se nerġa’ nisposta ruħi b’aktar eluf ta’ kilometri, ferm lejn it-Tramuntana, għal darb’oħra fl-art tan-nirien u tas-silġ, l-Iżlanda.

Thingvellir huwa fejn il-parlament Iżlandiż iltaqa’ mis-sena 930 sal-1798. Jinsab fuq il-fruntiera ġeografika fejn jiltaqgħu l-blajjet kontinentali tal-Ewropa u l-Amerka. Hawnhekk, l-Iżlanda qiegħda bilmod il-mod tinqasam fi tnejn. Thingvellir jagħmel parti minn hekk imsejjaħ Ċirku tad-Deheb ta’ attrazzjonijiet turistiċi li jinkludi wkoll lil Geysir.

Issa l-molekuli tal-H2O saru tabilħaqq aġitati. F’Geysir, il-fwar tal-ilma jiżbroffa regolarment kull tmien minuti. Dan il-post ta ismu lil hekk imsejħa geysers, nixxigħat tal-misħun, mifruxin madwar il-pajjiż, li wkoll sar terminu popolari li jirreferi għall-apparat li jsaħħan l-ilma fil-kmamar tal-banju jew fil-kċejjen. F’Geysir tara nixxiegħat ta’ misħun idaħħnu ma’ kullimkien.

F’ħafna mill-bqija tad-dinja, l-ilma jsib ruħu fl-atmosfera b’mod inqas drammatiku, billi jevapora. Imma għalkemm inviżibbli u mhux drammatiku, jirriżulta, fil-fehma tiegħi, fl-isbaħ xbihat li jikkonsistu mill-ilma offruti min-natura: il-forom u l-ilwien il-ħin kollu jinbidlu tas-sħab fis-sema. Jekk tgħolli ħarset ‘il fuq, xena ordinarja fuq l-art tinbidel fi spettaklu.

Li jogħġobni meta jiltaqgħu d-dawl tax-xemx u s-sħab hu li hemm ammont infinit ta’ veduti possibbli, imma trid tkun pront taħtaf l-okkażjoni għax malajr jista’ jinbidel xi wieħed mill-fatturi li flimkien ħolqu l-mument maġiku, u l-ispettaklu jkun għadda u mar. Fil-każijiet li ġejjin, il-ġirja lejn il-kamera jew it-telefown kienet mgħaġġla biżżejjed:




Għal-lum daqshekk, għeżież qarrejja. Nispera li l-vjaġġ li morna flimkien, iż-żewġ vjaġġi anzi, bejn is-suriet differenti tal-ilma mis-silġ sal-fwar, il-borra, il-baħar, l-ilma ġieri u s-sħab, mifruxin fuq meded mill-Iżlanda sal-Marokk u mill-Iskozja sal-Montenegro, sibtuhom interessanti.

Leave a Reply