Il-kalendarju Antonjan

Min jaf elf sena oħra d-dinja kif se tkun. Biżżejjed tqabbel issa mal-1026. Immaġina jiġi xi ħadd hawn minn dak iż-żmien. Jiġġennen. Anki mill-memorja tiegħi sa ħamsin sena ilu d-dinja diġà nbidlet ħafna. Soċjalment, demografikament u fit-teknoloġija. Aħseb u ara elf sena oħra. Ħadd ma jista’ jbassar, impossibbli biex anki timmaġina kif se nkunu. Sakemm dak il-miġnun ta’ Trump ma’ jgħaxxaqx kollox u joħloq apokalissi. Kif sejrin l-affarijiet issa anki ħames snin oħra impossibbli timmaġina x’se jġibu magħhom.

Taf x’ma nbidilx, mhux minn elf imma minn eluf ta’ snin ilu ‘l hawn? It-tqassim tal-ġranet fi gruppi ta’ seba’. Dan beda fil-Babilonja xi 500 sena qabel Kristu u kien influwenzat mill-fażijiet tal-qamar – kwart ta’ qamar, nofs qamar, eċċetra, li kull wieħed minnhom kien idum qrib sebat ijiem. Id-drawwa żammewha l-Lhud, li inkludew ġurnata ta’ mistrieħ, is-Sibt, meta kienu u kif għadhom jemmnu s’issa li Alla strieħ wara sitt ijiem sakemm ħoloq id-dinja. Kif nafu, mill-Ġudaiżmu ħarġu l-Kristjaneżmu u l-Iżlam, u l-bqija tad-dinja, trid u ma tridx, spiċċat iddominata minn ċerti użanzi tagħhom, fosthom tal-kalendarju.

Il-kalendarju jista’ jinbidel?

Illum il-ġurnata l-kalendarju sirna nqisuh bħala ħaġa ovvja u bilkemm aħna konxji li hemm bosta formoli possibbli ta’ kalendarju li kienu jintużaw jew li ġew proposti matul is-snin. Biss biss, f’nofs is-seklu li għadda kienet imxiet sew l-idea li l-kalendarju internazzjonali jinbidel biex jibda dejjem fl-istess ġurnata, il-Ħadd. Biex isir hekk, peress li t-365 jum tas-sena ma jistgħux jitqassmu preċiż fi gruppi ta’ 7, għax jifdal ġurnata waħda żejda, dik il-ġurnata kienet se tinħareġ mis-sekwenza tal-ġranet tal-ġimgħa, mill-Ħadd sas-Sibt, u tingħata isem speċjali, pereżempju Year day, li kienet tkun vaganza miżjuda fl-aħħar tas-sena. Ikollok l-aħħar ta’ Diċembru jkun is-Sibt, warajh il-jum vaganza msejjaħ Year day, li tkun l-aħħar ġurnata tas-sena, u mbagħad imiss l-ewwel tas-sena, li dejjem ikun il-Ħadd.

Kieku din ir-riforma seħħet, il-festa li drajna jkollna ta’ lejlet l-ewwel tas-sena kienet issir waħda li ddum tlett ijiem sħaħ. Bħalissa, lejlet l-ewwel tas-sena jaħbat fi ġranet differenti u spiss ikun f’ġurnata tax-xogħol. Imbagħad filgħaxija nistennew isir nofsillejl, ftit logħob tan-nar, xampanja u għadda kollox. Bil-Kalendarju Fiss Internazzjonali, ikollna mhux New Year’s Eve party imma tlett ijiem wara xulxin ta’ festa. Apparti dan, hemm il-vantaġġ li kull data matul is-sena, f’kull sena, tkun liem tkun, dejjem taħbat fl-istess ġurnata tal-ġimgħa.

Fil-fatt, inqas minn mitt sena ilu l-Lega tan-Nazzjonijiet, li kienet il-predeċessur tan-Nazzjonijiet Uniti tal-lum, kienet qed tikkunsidra dan il-kalendarju riformat bis-serjetà. Imbagħad il-proposta kellha tieqaf ħesrem minħabba l-iktar forza b’saħħitha li tkaxkar l-imġiba u d-deċiżjonijiet tal-bniedem: ir-reliġjon.

Kif semmejt qabel, iċ-ċiklu ta’ sebat ijiem – mill-Ħadd sas-Sibt – ilu jirrepeti ruħu mingħajr interruzzjoni għal madwar 2,500 sena. Sejħilha tradizzjoni jekk trid, jew użanza li kważi saret integrata fl-eżistenza nnifisha tal-bniedem: il-ġimgħa ta’ sebat ijiem u jum fiss ta’ mistrieħ u/jew ta’ qima darba fil-ġimgħa. Interessanti kif il-Musulmani jqimu l-ġurnata tal-Ġimgħa, il-Lhud għandhom is-Sibt, waqt li l-Insara jqisu l-Ħadd bħala l-“jum ta’ obbligu”. Bl-introduzzjoni tal-ġurnata żejda barra miċ-ċiklu ta’ ġimgħa ta’ sebat ijiem, fl-aħħar tas-sena, dan iċ-ċiklu li ilu għaddej mill-Antik Testment kien se jieqaf. Kienet se tinħoloq diskrepanza bejn, ngħidu aħna, is-Sabbath reliġjuż magħdud strettament bit-tkomplija taċ-ċiklu ta’ sebat ijiem mingħajr interruzzjoni u l-isem uffiċjali tal-ġurnata meta jiġi ċċelebrat dan is-Sabbath. L-idea kellha taqa’, u ngħid għalija hija ħasra.

Kif għidt fil-bidu. Sekli jiġu ħafna u jbiddlu ħafna. Imma l-idea litteralment sagra tal-ġimgħa ta’ sebat ijiem ilha għaddejja għal bosta sekli u tidher b’saħħitha daqs qatt qabel. S’issa. Imma min jaf elf sena oħra? Jew anki mitt sena oħra. Ma ninsewx, naqra naqra, aktar ma jgħaddi żmien l-istatistika dejjem qed turi tnaqqis fil-persentaġġi tan-nies li jsegwu r-reliġjon b’rigoriżità stretta, u t-tendenza hi li s-saħħa tar-reliġjon se tkompli tonqos. Sadattant, il-moviment li jfittex riforma fil-kalendarju kien għadu attiv anki f’das-seklu stess, sa ftit tas-snin ilu biss. Jista’ fil-futur il-vantaġġi ta’ kalendarju fiss jibdew jegħlbu r-reżistenza reliġjuża. U jistgħu anki jidħlu fatturi oħra.

Kuntesti ta’ għajxien differenti

Ejja ngħidu elf sena oħra l-bniedem jikkolonizza l-pjaneta Mars, jew xi pjaneta oħra. Is-sena fuq Mars, sakemm din iddur dawra sħiħa max-xemx, hija ftit inqas minn sentejn ta’ fuq din id-dinja. X’tagħmel hemm? Iżżomm eżatt mal-ħinijiet u d-dati ta’ fuq id-dinja? Il-ġurnata fuq Mars iddum 37 minuta iktar minn tad-dinja, jiġifieri min ikun hemm irid jiddeċiedi jekk iżommx maċ-ċiklu tal-ġurnata ta’ Mars u allura jinqata’ għalkollox mill-kalendarju tad-dinja, inkella jżomm maċ-ċiklu ta’ 24 siegħa tad-dinja li jkun kompletament differenti miċ-ċiklu tal-lejl u n-nhar ta’ fuq Mars.

Fuq pjaneti oħra, forsi fuq is-satelliti ta’ Jupiter u ta’ Saturn, tant huma differenti ċ-ċiklu tad-dawl u tad-dlam li jkun jagħmel sens li l-kolonizzaturi jżommu l-istess ċiklu ta’ 24 siegħa, komuni mad-dinja. Il-kalendarju jista’ jibqa’ l-istess bħal dak tad-dinja. Anki u speċjalment jekk dawn il-kolonji jżommu f’kuntatt mad-dinja u jibqgħu jiddependu minnha għar-riżorsi.

Imma jekk komunità tkun indipendenti mid-dinja, kemm fuq pjaneta u, iżjed u iżjed fuq vjaġġ fit-tul fl-ispazju, maqtugħa għalkollox mid-dinja, hemmhekk il-loġika tgħidlek li m’għandek ebda bżonn iżżomm ċiklu ta’ 365 ġurnata, u leap years u x’naf jien. Il-kunċett ta’ sena ma jagħmilx sens fl-ispazju profond maqtugħ għalkollox mid-dinja. Forsi f’dik is-sitwazzjoni jkun aktar loġiku li żżomm iċ-ċiklu ta’ 24 siegħa li l-bniedem evolva fih, il-ġurnata, u tibda tgħodd il-ġranet minn meta l-komunità bdiet teżisti. Il-kalendarju jkun jikkonsisti biss minn numri: 1, 2, 3, u tibqa’ sejjer. Għalkemm il-bniedem ma jgħixx biss bil-loġika, u r-rabta psikoloġika mal-għeruq storiku, bijoloġiku, kulturali, l-identità nnifisha tal-popolazzjoni ta’ din il-komunità fl-ispazju jibqgħu hemm. U allura forsi anki jibqgħu jgħoddu x-xhur u s-snin ta’ fuq il-pjaneta mnejn oriġinaw. Imma għal kemm ġenerazzjonijiet? Għan-nies li jkunu twieldu f’belt artifiċjali fl-ispazju u jafu biss dak l-ambjent imdawwar bil-kwiekeb u ‘l bogħod minn kwalunkwe pjaneta jibdew iqisu d-dinja bħala xi ħaġa mitika u xejn iktar. Biċ-ċajt iċ-ċajt din il-kitba qed iddaħħalni fi storja affaxxinanti tal-fantaxjenza!

Il-kalendarju Antonjan

Mela ejja ninżlu lura fl-art u fil-preżent, jew imqar mitt sena oħra biss fil-futur, meta l-Unjoni Dinjija – ir-riżultat aħħari tal-evoluzzjoni, minkejja ħafna ostakli, tal-Unjoni Ewropea – tadotta l-Kalendarju Antonjan li qed nipproponi hawn. Dan il-mudell huwa ferm għal qalbi u naħseb ikun anki divertenti. Huwa ispirat mill-kbir kittieb tax-xjenza u l-fantaxjenza tas-seklu 20, Isaac Asimov, li f’wieħed mill-kwantità enormi ta’ kotba tiegħu kien anki hu ppropona kalendarju fiss ibbażat fuq l-erba’ staġuni. Il-proposta ta’ Asimov kienet qajmet fija interess fis-suġġett. Id-dettalji eventwalment insejthom u ħsibt li nivvinta l-verżjoni tiegħi.

Hemm żewġ għażliet possibbli: waħda minnhom bil-ġimgħa tibda l-Ħadd u tispiċċa s-Sibt u l-oħra bil-ġimgħa tibda t-Tnejn u tispiċċa l-Ħadd. Għas-soċjetajiet li jitħaddtu bi lsien Semitiku, narah eleganti ferm il-kalendarju li jibda l-Ħadd:

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandards (ISO) kienet iddeċidiet u speċifikat li l-ġimgħa għandha tibda t-Tnejn u tispiċċa l-Ħadd. F’dak il-każ, il-kalendarju jiġi hekk:

Ix-xhur kollha l-istess, b’xi żidiet li se nispjega minn hawn u ftit ieħor. Nibqgħu bi tnax-il xahar minn Jannar sa Diċembru kif nafuhom issa. Kull data dejjem taħbat fl-istess ġurnata, u malajr tidrahom kollha bl-amment.

Kull xahar jintemm b’long weekend. Id-29 u t-30 tax-xahar ma jkunux parti minn ġimgħa u jkunu ġranet ta’ festa. Bħalma l-kantant Prince kien bidel ismu għal simbolu, dawn il-ġranet ukoll jistgħu jkunu rrappreżentati mis-simbolu 🌞. X’aktarx nibdew nirreferu għalihom bħala numri, appuntu d-29 u t-30. Tinsiex, qed nitkellmu mitt sena oħra u l-oġġezzjonijiet reliġjużi ma jkunux għadhom daqshekk b’saħħithom. U naħseb l-idea tal-long weekend tingħoġob minn ħafna. Hekk jew hekk ħadd ma jwaqqaf lir-reliġjonijiet milli jżidu festi reliġjużi f’dawn iż-żewġ ġranet jew fil-ġranet l-oħrajn kollha.

Imma, iva, is-sekwenza ta’ sebat ijiem mill-Ħadd sas-Sibt mingħajr interruzzjoni għal 2,600 sena tieqaf. Jekk xi soċjetajiet assolutament ma jridux jaċċettaw l-idea, jistgħu jibqgħu jżommu l-kalendarju li jippreferu. Anki issa, għalkemm iċ-Ċina u r-Russja adottaw uffiċjalment il-kalendarju Gregorjan użat fil-bqija tad-dinja, parallelament miegħu jużaw ukoll il-kalendarju tradizzjonali Ċiniż u l-kalendarju Ġiljan ippreferut mill-Knisja Ortodossa Russa.

Tnax-il xahar ta’ tletin jum jagħmlu 360 ġurnata. Jifdal ħamest ijiem, u ġieli sitta, biex tgħaqqad is-sena. Dawn jintużaw biex jinħolqu żewġ perjodi ta’ vaganzi – wieħed fis-sajf u l-ieħor fix-xitwa. Tlett ijiem mill-ħamsa jkunu 🌞 u jiżdiedu bejn Ġunju u Lulju. Wara l-Ġimgħa, 26 ta’ Ġunju, jibda perjodu ta’ vaganza uffiċjali ta’ sebat ijiem, li huma dawn:

  • is-Sibt 27 ta’ Ġunju (parti mill-weekend tas-soltu)
  • il-Ħadd 28 ta’ Ġunju (il-weekend ikompli)
  • 🌞 29 ta’ Ġunju
  • 🌞 30 ta’ Ġunju (il-jumejn miżjuda fl-aħħar ta’ kull xahar)
  • 🌞 Festasajf 1 (għaliex le?)
  • 🌞 Festasajf 2
  • 🌞 Festasajf 3

Mela se jkollna perjodu uffiċjali ta’ festa ta’ sebat ijiem kull sena fis-sajf, bejn ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju. Kull lingwa tista’ tuża l-immaġinazzjoni tagħha biex issemmi dawn il-ġranet, u naturalment fl-emisferu tan-Nofsinhar x’aktarx l-isem ikollu tema xitwija.

U mhux biss! Fadal jumejn oħra biex ngħaqqdu 365 ġurnata, jekk mhux ukoll tlett ijiem biex ngħaqqdu 366. Ma jistax jonqos li dawn jixraq li jidħlu fl-aħħar tas-sena, biex ikollna tmiem is-sena wkoll interessanti – festa ta’ tmiem is-sena estiża, imqassma hekk:

  • is-Sibt 27 ta’ Diċembru
  • il-Ħadd 28 ta’ Diċembru
  • 🌞 29 ta’ Diċembru
  • 🌞 30 ta’ Diċembru
  • 🌞 Lejliet l-ewwel tas-sena 1
  • 🌞 Lejliet l-ewwel tas-sena 2
  • 🌞 Lejliet l-ewwel tas-sena 3 (jekk tkun Leap Year)
  • it-Tnejn 1 ta’ Jannar – b’mod eċċezzjonali, l-ewwel ġurnata tas-sena li jkun it-Tnejn ma jkunx ġurnata tax-xogħol. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena jilħqu l-quċċata f’nofsillejl malli taqleb is-sena, u l-biċċa l-kbira tan-nies ikollhom bżonn jistrieħu fl-1 ta’ Jannar.

Mela ġejna għal seba’ jekk mhux ukoll tmint ijiem ta’ festivitajiet li jkunu wkoll vaganzi uffiċjali. Kollettivament, dawn ikunu “il-Milied”. Il-25 ta’ Diċembru jkollha tkun ġurnata tax-xogħol, għax inkella jiġi wisq imbagħad. Nhar il-Ġimgħa 26 ta’ Diċembru jkun l-aħħar ġurnata tax-xogħol tas-sena, u lejlet perjodu twil ta’ vaganzi. Dakinhar filgħaxija jista’ jiġi ċċelebrat lejlet il-Milied, Jum il-Milied jersaq għas-Sibt 27 ta’ Diċembru. Wara kollox, id-data tal-25 ta’ Diċembru diġà hija fil-fatt għażla vvintata u l-esperti jaħsbu li l-Bambin kien twieled f’Marzu.

Xi oġġezzjonijiet

Ma ninsewx li l-kalendarju Antonjan se jidħol xi mitt sena oħra, b’kundizzjonijiet soċjali ferm differenti minn tal-lum. Dwar ir-reliġjonijiet diġà tkellimt aktar ‘il fuq: għal min irid, jista’ jitħalla għaddej parallelament il-kalendarju tradizzjonali li jippreferi.

Jista’ jkollna wġigħ ta’ ras biex nirrappreżentaw id-dati tal-ġranet miżjuda – il-Festasajf 1 sa 3 u Lejliet l-ewwel tas-sena 1 sa 2 jew 3. Biex tikteb id-data bin-numri, l-aktar prattiku jkun li l-ġranet speċjali jiżdiedu ma’ Ġunju u ma’ Diċembru rispettivament. Allura jitniżżlu bħala 31.06.2126 sa 33.06.2126, u 31.12.2126 sa 33.12.2126.

Imbagħad xi ngħidu għall-oġġezzjonijiet tan-nies li jħaddmu u d-dinja kummerċjali u tal-intrapriża? Il-karatteristika li tagħmel il-kalendarju Antonjan attraenti hija n-numru għoli ta’ festi u vaganzi. Imma ejja ngħodduhom waħda. Minbarra l-weekends li diġà jeżistu issa, se jiżdiedu jumejn oħra kull xahar (24) u sitt ijiem festi speċjali, fis-sajf jew fix-xitwa. Tletin ġurnata b’kollox.

Anki issa stess hemm xi pajjiżi li qed jikkunsidraw jintroduċu l-ġimgħa ta’ erbat ijiem xogħol, inkluż il-kap tal-oppożizzjoni u prim ministru prospettiv ta’ Malta, Alex Borg. Dawn kieku jfissru 52 ġurnata ta’ xogħol inqas, mhux 30. Bl-awtomatizzazzjoni u bl-AI, x’aktarx li sa mitt sena oħra n-numru meħtieġ ta’ ġranet tax-xogħol ikompli jonqos. Hu għalhekk ukoll li qed nimmira biex il-kalendarju Antonjan jidħol fis-seħħ f’dik l-epoka.

U l-festi pubbliċi li hemm diġà? Mintoff darba kien qaċċat il-biċċa l-kbira tal-festi pubbliċi f’Malta, u l-elezzjoni ta’ wara rebaħha xorta. In-nies jidraw wara ftit. It-Tre Re, jew l-Epifanija tas-6 ta’ Jannar kienet parti integrali mill-festi tal-Milied. Issa kulħadd imur ix-xogħol u ħadd ma jagħti kasha. Jiġifieri xi festi pubbliċi jistgħu faċilment jitneħħew jew jitressqu lejn wieħed mill-bosta weekends twal li se jidħlu fil-kalendarju Antonjan il-ġdid. Hekk jew hekk, uħud minnhom diġà se jkunu jaħbtu fil-weekend jew fi 🌞.

Il-kalendarju tas-sena sħiħa

Jibda jgħodd minn nhar it-Tnejn l-1 ta’ Jannar 2103.


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading