Ix-xitwa li għaddiet ġietni l-opportunità li naħdem ‘il bogħod mill-post tax-xogħol tiegħi fil-Belġju permezz ta’ “telework from abroad”. L-idea tat-telework titlob kummentarju sħiħ għaliha, imma ejja ma niddivagawx. Għal diversi raġunijiet, waħda minnhom it-temp u l-ambjent kiesaħ, mudlam u (għalina) ġeneralment miżerabbli tax-xitwa Belġjana, iddeċidejna li niġu nqattgħu xahrejn u nofs f’Malta, anki biex nieħdu ftit idea mill-ġdid ta’ xi tfisser li ngħixu għal żmien konsiderevoli f’art twelidna. Konna ilna 20 sena ngħixu l-Belġju u, trid jew ma tridx, tkun drajt l-użanzi ta’ hemmhekk u għalhekk ridna naraw jekk ikollniex xi ftit ta’ culture shock meta, jekk u kieku niġu ngħixu f’Malta.
Kieku wieħed jibbaża biss fuq li jaqra fuq l-internet, timmaġina li kollox qed jaqa’ biċċiet u li hawn il-biki u t-theżżiż tas-snien. Ovvjament, dan jekk ma tarax l-istazzjon tal-propaganda tal-gvern Malti t-TVM. U rridu nammettu li, sfortunatament, difetti u problemi hawn kemm trid, u kellna nħabbtu wiċċna magħhom matul dawk ix-xahrejn u nofs ukoll. Imma sadattant, kull darba li niġi ninduna li x-xenarju apokalittiku li jitpitter fuq l-internet huwa kemxejn esaġerat. Fil-fatt, anki fl-eqqel tal-problemi amministrattivi li ħolqulna ċerti awtoritajiet Maltin (waħda minnhom, biex inkun aktar preċiż), xorta konna qed napprezzaw l-aspetti sbieħ li joffru dawn il-gżejjer. U huwa dwar dawn li se nikteb illum. Ċerti aspetti oħrajn, inqas sbieħ, jasal ħinhom ukoll, imma mhux illum.
Irrid nibda bl-aktar ħaġa ovvja li hija t-temp, u b’mument partikolari f’Jannar. Mingħajr ma rrid, peress li qed ngħix prattikament żewġ ħajjiet paralleli, waħda f’Malta u l-oħra l-Belġju, inqabbel ħafna bejn dawn iż-żewġ pjaneti differenti.
Tipikament, f’Jannar fil-Belġju jkollok xi ħaġa hekk:

Li mhux għalkollox ikrah kieku għal ġurnata jew jumejn, imma meta jkollok, u mhux qed nesaġera, ġimgħat u xhur ma jaqtgħux hekk – inħares lejn ir-ritratt ukoll inħoss il-kesħa dieħla fl-għadam – il-ħaġa ma tibqax daqshekk pjaċevoli.
F’dan il-mument memorabbli ta’ Jannar li rrid infakkar hawn (mhux waqt il-ħin tax-xogħol, irrid nagħmilha ċara!) jien u Sue poġġejna fuq sufan komdu barra ħdejn l-Aquarium tal-Qawra, nixorbu Aperol Spritz. Jien kont bit-teeshirt bil-kmiem qosra u s-sema kien ikħal bix-xemx tiżreġ. Quddiemna, din ix-xena:

F’Jannar.
Drabi oħra, fil-brejk ta’ nofsinhar ġieli nżilna nieħdu ftira biż-żejt jew fish and chips fil-kjosk tal-Qawra. Quddiemna, din ix-xena:

Kont bdejt inxandar kontinwament, fuq Facebook, ritratti taħt it-tema “The bright side”. Kemm f’sens litterali u anki metaforiku għax uħud mir-ritratti ġbidhom f’kundizzjonijiet ta’ dawl baxx u anki billejl.




Huwa u jbexbex.


U anki fil-maltemp, għax għalkemm it-temp huwa raġuni importanti ħafna li jagħmel lil Malta attraenti fix-xitwa, ma jfissirx li ma jagħmilx maltemp f’Malta wkoll.

Altru li le.



Imma jkollna moħħna mistrieħ li, fil-parti l-kbira tad-drabi, dan idum is-sigħat u mhux il-ġimgħat, u li x-xemx ma jkunx jonqosha ħafna biex tfeġġ minn wara s-sħab.

Xemx u xita, għadd ġmielu ta’ għaqdiet jorganizzaw mixjiet fl-isbaħ inħawi ta’ Malta. Tiskanta kemm f’dawn l-40 kilometru tul b’20 wisa’, miżgħuda b’popolazzjoni kbira wisq u tant u tant bnadi miksijin bil-bini, xorta waħda ssib postijiet li jgħaxxqu l-għajn li, ngħid għalija, lanqas biss inkun naf bihom.





Nista’ ngħid li, bla dubju ta’ xejn, ix-xahrejn u nofs prova kienu ta’ suċċess. Kelli l-vantaġġ li, peress li kont qed naħdem mid-dar, ma kellix bżonn insuq sal-uffiċċju, li x’aktarx hija waħda mill-aktar esperjenzi frustranti taċ-ċittadin Malti medju. Mhux biss, imma għall-qadja li kelli ta’ spiss biex inżur lil ommi l-Mosta ma kontx nuża l-karozza. Nitla’ f’tal-linja mill-venda ħames minuti ‘l bogħod mid-dar, sakemm nasal nilgħab Quordle u skoss logħob ieħor fuq it-telefown, u malli nasal ebda wġigħ ta’ ras fuq fejn se nipparkja. U kollox b’xejn. Dwar dan għandi ħafna iktar xi ngħid, imma mhux illum.
Ma semmejt xejn dwar il-Belt Valletta, l-Imdina, Għawdex, il-Kottonera, tant knejjes maestużi, palazzi u monumenti storiċi… Inħoss li nsawtu wisq lilna nfusna aħna bħala pajjiż. Kif għidt qabel, għandna elf difett u problema, imma b’xi mod jew ieħor qed inġaħġħuha mhux ħażin. U żgur li t-traffiku huwa problema, u kbira wkoll. Imma din mhix xi problema tagħna biss. Mur sa xi belt, tkun liem tkun, Ewropea u tara jekk it-traffiku hux ward u żahar. Għandna lingwa sabiħa li, minkejja li nagħtuha bis-sieq, b’xi mod tibqa’ ħajja u tferfer. Fl-eqqel tal-kriżi ekonomika enormi li laqtet lid-dinja fl-2010, b’xi mod (dejjem dak il-metodu misterjuż – b’xi mod – li kważi kważi jqanqallek suspett ta’ ħarsien divin) bqajna għaddejjin qisna mhux aħna.
Kellna bżonn jaħasra nħarsuha ħafna aħjar aħna stess din il-ġawhra li għandna. Għax hemm limitu kemm tista’ ddum taqla’ bis-sieq.

Leave a Reply