Il-Ġnejna u l-Qarraba

Sena ilu apprezzajna l-ġmiel ta’ Malta fix-xitwa. Dis-sena ġejna għal żmien itwal u għadna qed napprezzawh, anki permezz ta’ mixjiet organizzati minn diversi għaqdiet Maltin tal-mixi, fosthom ix-Xircammini.

Ilbieraħ iltqajna l-Ġnejna fis-sagħtejn u, eżatt bħas-sena l-oħra f’din l-istess data u fl-istess post, kien riħ pjuttost qawwi. Konna għaxra b’kollox, inqas mis-soltu, u bla warm-up ta’ xejn qbadna nixxabbtu telgħa iebsa lejn it-torri ta’ Lippija, dominanti u maestuż jgħasses il-bajja tal-Ġnejna taħtu.

Ftit aktar lejn it-Tramuntana tixref il-bajja tal-Qarraba, u l-Qarraba nnifisha. Din hija peniżola li tifred il-bajjiet tal-Ġnejna u ta’ Għajn Tuffieħa. Qed nitkellmu fuq spettaklu, meravilja.

Imxejna sa ħdejn il-Qarraba u dorna magħha. Minn hemm, il-bajja tal-Qarraba kienet eżatt taħtna.

Dejjem ngħid li fix-xitwa Malta hija ferm isbaħ milli fis-sajf. F’Malta għandek żewġ staġuni: is-sajf u x-xitwa u xejn fin-nofs. Ġimgħa ilu konna qed ngħumu. Issa t-temperaturi tbaxxew u r-riħ tqawwa u kesaħ. Imma li jiġri hu li l-arja tiċċara u l-kuluri jsiru aktar ħorox u drammatiċi. Ara malli qsamna għan-naħa ta’ Għajn Tuffieħa:

Ħasra li kultant ix-xemx tidħol wara s-sħab.

Imma ħasra sa ċertu punt. Fl-aħħar mill-aħħar, dejjem ngħid li s-sema msaħħab – imma ovvjament mhux il-griż ma jaqtax tax-xitwa Belġjana – huwa fost l-aktar fenomeni spettakolari li toffri n-natura, u lbieraħ ukoll ma ddiżappuntax.

Sakemm spiċċajna u kien kważi dalam, għaddejna minn wied li qatt ma kont għaddejt minnu – Wied il-Ħmar. Grazzi Xircammini. Nistenna bil-ħerqa l-mixja li jmiss.

Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading