Għaxar snin ilu bħal-lum

Brussels sunrise

Għaxar snin ilu preċiż inżilt fl-ajruport ta’ Brussell biex nibda ħajja ġdida. Malta ma kellix iktar x’nagħmel, litteralment, u l-Unjoni Ewropea, li konna għadna kif sirna membri tagħha, offrietli xogħol li jinteressani, li jien kapaċi nagħmlu tajjeb u bi ħlas attraenti. Imma, bħall-istatwa androġena li hemm quddiem l-uffiċini fejn għadni naħdem sal-lum, għalija kien pass lejn… ma nafx xiex.

Fl-ajruport ġie għalija sid il-kera ta’ biċċa appartament li kont sibt fuq l-internet. Kien raġel Skoċċiż b’mustaċċi kbar, traduttur ukoll imma jaħdem għal rasu mid-dar, f’uffiċċju fl-istess kuritur mnejn jagħti t-toilet tal-appartament tiegħi… Dik skoprejtha ftit wara. Il-mara tiegħu Ġermaniża u laqgħuni tajjeb fid-dar tagħhom, eżatt maġenb l-appartament li kien jinsab f’Jezus Eik, Overijse, viċin ferm lejn id-dar li xtrajna 7 snin wara. Offrewli kafè u saqsewni kif inħobbu. Għidtilhom kark, u tawni kafè tant qawwi li kien qisu magħqud.

L-appartament kien għadu kif lestieh, anzi lanqas proprja. Kien għadu kemm inżebagħ u r-riħa taż-żebgħa kienet għadha tinxtamm sew. Friġġ ma kienx fih, misħun kien għadu ma kkumnikahx, heater tal-elettriku b’xi mod kien abbastanza, imma rrid noqgħod attent ma’ liema plakk inqabbdu għax nissogra naqta’ s-salvavita. Imma xtrali television u anki qabbadli l-internet. Imnalla għax kont niġġennen naħseb.

Is-sodda kienet fis-sular ta’ fuq nett, fit-turretta, u t-traffiku mill-awtostrada kien jinstema’ sew fil-ħemda tal-lejl. L-awtostrada kienet xi 100 metru ‘l bogħod, fit-tarf l-ieħor tal-wesgħa ta’ quddiem l-appartament. Il-kafè kark kien qed jagħmel tiegħu flimkien mal-istorbju mit-triq… u ma stajtx norqod. Qbadt is-saqqu u niżżiltu fil-kamra ta’ isfel fejn l-istorbju kien jinstema’ inqas, u fl-aħħar irqadt.

L-għada qbadt tal-linja, it-344, eżatt minn quddiem id-dar, u bdejt il-karriera ta’ traduttur mal-Unjoni Ewropea. Ħafna laqgħat u spjegazzjonijiet, overdose ta’ informazzjoni x’nixtarru. Imbagħad il-boss il-ġdid tiegħi ħadni l-canteen għal kafè u faqqagħli bombshell. Qabel il-Milied, li kien jaħbat sitt ġimgħat wara, ma stajtx nieħu leave għax konna ftit tradutturi u ma jistax jaffordja li jitilqulu n-nies.

Ġenninni. Kont abbandunajt il-familja f’Malta, u l-pjan kien li darba kull ħmistax nieħu ġurnata off qabel jew wara l-weekend u nsiefer biex narahom. Jiġu jumejn leave fix-xahar, xejn ta’ barra minn hawn. Imma minflok f’daqqa waħda sibt ruħi waħdi f’pajjiż stranġier kiesaħ fejn jidlam kmieni u jisbaħ tard, f’appartament tal-qamel, eluf ta’ mili ‘l bogħod mill-familja.

Ħafna kienet iebsa.

Minflok ġew huma tliet ġimgħat wara u tawni palata kbira. Qgħadt indur infittex sakemm sibt flett ħafna aħjar f’distrett sabiħ qrib il-bosk magħruf bħala l-Bois de la Cambre. Xtrajna skoss għamara, inkluż is-sufan li qiegħed bil-qiegħda fuqu issa, u l-flett malajr armajnieh.

Kien żmien diffiċli l-ewwel xahar, imma fl-istess ħin interessanti. Kif semmejt, friġġ ma kienx fih u minflok biex ninqeda’ kont nuża l-bejt li stajt noħroġ fih mill-kċina. Peress li t-temperatura fil-Belġju f’Novembru hi preċiżament daqs dik fi friġġ, l-ikel kont nissiġillah fil-boroż tal-plastik u nħallih barra fuq il-bejt. Bdejt l-ewwel tentattivi ta’ ġirjiet filgħodu kmieni, fit-triq twila li minn Jezus Eik tagħti lejn iċ-ċentru ta’ Overijse, fil-weekend fl-Arboretum, parti mill-Foret de Soignes, eżatt l-istess post fejn immur nagħmel il-ġirjiet tiegħi issa.

Dak iż-żmien il-media soċjali l-aktar popolari kienet għadha l-MSN. Filgħaxijiet, wara t-tisjira u l-ikel, kont inqattagħhom niċċettja u nisma’ r-Radio 101 minn Malta fuq l-internet, li filgħaxijiet kien jaqleb mill-programmi insipidi ta’ matul il-ġurnata għal oħrajn ta’ mużika rock bis-sens.

Wara ftit ġranet id-Direttriċi Ġenerali sejħet laqgħa għal kulħadd u għamlitha ċara li l-kapijiet tal-unità ma kellhom ebda dritt iċaħħdu lill-ħaddiema mil-leave għax inkella dan jibqa’ jakkumula u jkollhom jiġġustifikawh huma. Kien minn hemm li s-sitwazzjoni tjiebet u bdejt immur Malta għal weekend twil kull ġimagħtejn. Ġarrejt għall-flett il-ġdid ta’ Ixelles (sid il-kera l-Iskoċċiż qalli, x’għaġla kellek biex titlaq!), fittixt u xtrajt karozza Renault Megane li Alla jberikha għadha għaddejja b’saħħitha għaxar snin wara, u l-ħajja ġdida tiegħi fil-Belġju bil-mod il-mod qabdet ir-ritmu. Kif ngħidu bil-Malti, issetiljajt.

Tant ġraw affarijiet minn dak iż-żmien ‘l hawn. Għaxar snin mhumiex ftit. U jekk taqta’ barra l-ewwel ġranet diffiċli, f’ebda mument minnhom ma ddispjaċieni li ġejt hawn.

Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading