Riga, il-Latvja

Sa ftit ġimgħat ilu, il-Latvja għalija kienet wieħed mit-tliet pajjiżi Baltiċi, fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa, li flimkien mal-Estonja u l-Litwanja kienu jagħmlu mal-eks Unjoni Sovjetika. Kien ukoll il-pajjiż tal-ġirien tiegħi fl-uffiċċju fuq ix-xogħol. Il-belt kapitali hija Riga, imma l-bqija ftit li xejn kelli aktar idea.

Ġietni l-okkażjoni mmur jumejn, tlieta, Riga, u issa għalija l-pajjiż huwa realtà ħajja ħafna aktar ċara f’moħħi.

Il-belt ħrattha bil-mixi u saqajja għerrejthom, imma b’hekk irnexxieli niskopriha pjuttost tajjeb. Kif kont hemm nippassiġġa, insegwi mappa li kellha mmarkati l-aktar postijiet interessanti li wieħed jista’ jżur, qgħadt niġbed xi ritratti.

L-ewwel ġurnata

Sebaħ griż u mort il-park qrib il-lukanda, li jifred liċ-ċentru storiku ta’ Riga mid-distrett aktar modern mibni fuq stil tal-art nouveau. Kien it-Tnejn filgħodu u n-nies kienu sejrin jibdew ix-xogħol tal-ġimgħa. Il-ġnien kien kważi vojt ħlief għal xi nanniet jieħdu dawra lit-tfal tat-tfal, jogger okkażjonali jew xi turisti jħarsu fil-vojt u jiġbdu r-ritratti. Xi żewġ sekli ilu din il-koppja kienu qed jieħdu l-kelb dawra u l-post tant għoġobhom li ddeċidew jibqgħu hemm:

Il-park hu maqsum f’żewġ partijiet mill-“monument tal-ħelsien” tal-Latvja.

Jirrappreżenta s-sovranità tal-Latvja u s-Sovjetiċi riedu jneħħuh, imma artista skultriċi Latvjana, li kienet tikkollabora magħhom fil-produzzjoni tal-propaganda, Vera Mukhina, ikkonvinċiethom li l-monument kellu valur artistiku u jippromwovi valuri Sovjetiċi, u permezz ta’ hekk b’xi mod jew ieħor baqa’ hemm. Fil-fatt irriżulta li s-Sovjetiċi kellhom raġun jissuspettaw ħażin, għax fl-1991 kien hawnhekk fejn reġa’ laħaq il-qofol tiegħu l-moviment li wassal għall-indipendenza tal-Latvja.

Fatt kurjuż li semmieli Mikhail, il-gwida li dawwarni maċ-ċentru storiku ta’ Riga, huwa li dan ta’ bħalissa huwa l-itwal perjodu li l-Latvja qatt damet indipendenti – 23 sena. Qabel dan kien hemm 21 sena mill-1920 sal-1941, meta waqgħu taħt in-Nażisti, imbagħad taħt is-Sovjetiċi. Qabilhom kien hemm Żvediżi, Pollakki u Ġermaniżi. Tista’ tgħid li l-indipendenza għadha xi ħaġa ġdida għal-Latvja.

Mill-verżjoni Latvjana tal-monument tal-ħelsien imxejt fid-direzzjoni tad-distrett aktar kulturali ta’ Riga, bi stil ta’ bini li kien moda fil-bidu tas-seklu 20, magħruf bħala Art Nouveau. Waqaft ħdejn il-katidral Ortodoss prinċipali ta’ Riga, iddedikat lit-Twelid ta’ Kristu. Kedda biex ħadt ritratt sura, għax kull darba beda jipparkja kowċ u ftit sekondi wara jiġi ieħor, imma fl-aħħar irnexxieli.

Anki rnexxieli nidħol ġewwa mingħajr ma kien hemm ħadd jitlobni nħallas, u smajt u osservajt ċelebrazzjoni b’kant li qatt ma kont smajt bħalu mill-qassis Ortodoss, u total ta’ xi tużżana xjuħ, in-nisa strettament bil-velu. Kienet esperjenza interessanti. Impressjonanti f’dan il-katidral, apparti t-tiżjin minn ġewwa, hija l-koppja miksija bid-deheb li jumejn wara, mill-bogħod u minn għoli ta’ xi 15-il sular f’ġurnata xemxija, kienet tispikka sew.

Il-katidral Ortodoss jinsab f’park imsemmi Esplanade, li f’din il-ġurnata tax-xogħol ftit qabel Novembru diġà ħa aspett deżolat xitwi:

Il-kwartier tal-Art Nouveau jikkonsisti minn blokki ta’ bini imponenti b’faċċati mżejnin bir-reqqa. Huwa d-distrett fejn ħafna pajjiżi għażlu li jkollhom l-ambaxxata tagħhom fil-Latvja. Tista’ tkabbar kull ritratt billi tikklikkja fuqu.

Lura fil-ġnien ta’ ħdejn il-belt l-antika, stajt nammira xogħlijiet tal-arti ħafna inqas pompużi minn oħrajn. Dawn tal-aħħar x’aktarx huma mill-era Sovjetika, imxerrda f’diversi bnadi, f’postijiet ġeneralment ta’ medda kbira fil-beraħ. Hawnhekk, imma, fil-ġnien tara xogħlijiet fuq skala aktar umana, ħelwin ferm:

U għaddejt għall-belt l-antika, iċ-ċentru storiku. Labirint mingħajr karozzi bi knejjes, pjazez u nies għaddejjin fuq xogħolhom jew jgħaddu ż-żmien bħali.

Hawnhekk waqaft nieħu tazza gluhwein biex intaffi ftit mill-kesħa:

Il-Pjazza tal-Koppla, maħluqa bi twaqqigħ kontroversjali ta’ djar antiki ftit wara l-indipendenza, bl-iskop li jinħoloq post fejn jistgħu jsiru avvenimenti pubbliċi:

It-Tlett Aħwa, djar residenzjali tipiċi minn sekli differenti mibnijin maġenb xulxin. L-usa’ hija l-aktar antika, id-dejqa l-aktar reċenti:

U ftit wara t-tlieta ta’ waranofsinhar, ġurnata bis-sħab qrib l-aħħar t’Ottubru, f’Riga kien diġà beda jbexbex:

It-tieni ġurnata

Bħal ma hu tipiku ta’ ħafna bliet, tal-inqas dawk Ewropej, Riga hi mibnija fuq żewġ naħat ta’ xmara, id-Daugava, b’numru ta’ pontijiet jgħaqqdu ż-żewġ partijiet.

Fit-tieni ġurnata qsamt għan-naħa l-oħra minn fejn kont alloġġjat qrib iċ-ċentru storiku. Sebaħ griż u kiesaħ… mhux xi sorpriża għall-ħarifa, anzi kont ixxurtjat li ma kinitx ix-xita. Bqajt insegwi l-mappa mmarkata bil-postijiet ta’ interess fil-belt, li kont qed nipprova ndurhom kollha.

L-ewwel post ta’ interess kien il-librerija nazzjonali tal-Latvja, kompluta ftit biss ta’ snin ilu, fl-eqqel tal-kriżi ekonomika dinjija, magħmula b’disinn mhux tas-soltu li l-kritiċi, li qiesu l-proġett bħala kapriċċ, kienu qabbluh ma’ graff li timmarka l-prestazzjoni ekonomika tal-pajjiż, li waslet f’quċċata u qabdet triq għan-niżla sal-qiegħ.

Il-mixja għaddietni maġenb mużew tal-ferroviji u, wara, park jew ġnien imdaqqas b’monument tipiku Sovjetiku li jfakkar tmiem it-tieni gwerra dinjija, bi statwi ġganteski, ovvjament ta’ figuri li jirrappreżentaw il-mitiku “ħaddiem”.

Ftit wara ġejt fi stazzjon tal-ferrovija mal-linja li tagħti għal post ta’ villeġġatura ħdejn il-baħar, Jurmala. Hawnhekk hemm mafkar tal-era Sovjetika, did-darba ħafna aktar kritiku ta’ dak il-perjodu. Kien hemm vagun ta’ ferrovija milli kienu jintużaw biex jiddeportaw Latvjani lejn postijiet imbiegħda fl-Unjoni Sovjetika. Kien hemm lapidi b’ċifri u tagħrif dwar it-“terrur Komunist”, inkluż dwar kemm ġew iddeportati u mietu Latvjani fis-sebgħin sena li damu taħt dak ir-reġim.

Għaddejt qrib knejjes ta’ diversi reliġjonijiet, il-biċċa l-kbira denominazzjonijiet Kristjani: knisja Luterana, oħra Kattolika, Ortodossa… ma niftakarx li rajt moskeji jew sinagogi (ħlief il-fdalijiet ta’ sinagoga mwaqqa’ n-naħa l-oħra tax-xmara).

Għaddejt maġenb sptar u kien il-ħin tal-viżitaturi għax kien hemm kwantitajiet ta’ nies, il-biċċa l-kbira xjuħ, bi fjuri jew affarijiet tal-ikel biex jieħdu lill-pazjenti. Kienet parti tal-belt pjuttost bieżla, għalkemm imbiegħda miċ-ċentru, fejn hemm ukoll suq tal-ikel ġo bini, qisu daqsxejn is-suq tal-Belt.

Il-mawra li dawritni l-mappa ħaditni f’lokalità antika mibnija kollha kemm hi bl-injam. Din kienet żona naqra mitluqa, bi djar abbandunati u hekk. Ħadt ir-ruħ meta warrabt minn hemm. Komplejt miexi, minn ġo skema ta’ djar soċjali, x’aktarx minn żmien is-Sovjetiċi wkoll, maġenb torri kbir fejn jinħażen l-ilma, madwar ġnien botaniku li kien magħluq biex isiru xi xogħlijiet fih, u lejn park fejn hemm l-aktar post għoli f’Riga. Xejn speċjali fir-realtà għax Riga hija belt kważi ċatta, imma kien inevitabbli li hemmhekk niġbed ritratt tad-dell tiegħi stess, “delfie”…

Lura lejn iċ-ċentru storiku għaddejt minn fuq pont ieħor, maġenb promontorju b’supermarkets u vilel sbieħ tal-villeġġatura.

Għaddejt minn quddiem kastell li jservi bħala l-palazz presidenzjali, imdawwal bix-xemx nieżla, bil-bandiera tal-Latvja tperper fl-għoli fuq il-bejt.

Kont qlajt saqajja ġurnata sħiħa nimxi!

It-tielet ġurnata

U kien għad fadal x’nara. ‘L għada mort in-naħa tax-xmara u bdejt bis-suq modern – erba’ jew ħames paviljuni enormi, b’gabbani li jbiegħu laħam, ħut, ħxejjex, ħelu, xorb, ġobnijiet, ħwejjeġ, minn kollox.

Ħarġet ix-xemx, li dejjem issebbaħ.

L-akkademja tax-xjenzi tal-Latvja

Fl-erbatax-il sular tal-akkademja tax-xjenzi tal-Latvja tista’ toħroġ fuq terrazza fejn iġġib taħtek il-belt kollha ta’ Riga. Panorama straordinarja.

Belt vivaċi, vibranti, sabiħa. Żgur ma niddejjaqx kieku nerġa’ mmur, imqar biex nesplora partijiet oħra minn dan il-pajjiż li tant ħallieli impressjoni tajba.


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading