Fejn dejjem insib x’nikkritika, fl-aħħar ġrat aħbar jew ejja ngħidu avveniment li nista’ nara biss affarijiet pożittivi fih. U naħseb mhux għalija biss, imma kull min rah ma setax ma jħossux jinħakem minn sentimenti sbieħ, kif jgħidu bl-Ingliż ‘feel good’.
Kemm kien hemm xeni sbieħ meta bdew jeħilsu, wieħed wieħed, lill-ħaddiema li nqabdu fil-qiegħ ta’ minjiera għal ma nafx kemm ġimgħat. Ħafna minnhom bil-mara u t-tfal jistennewhom biex jilqgħuhom lura wara tant biża’ u taqtigħ il-qalb, inkwetati għax forsi qatt ma kienu se jarawhom iktar u għax seta’ jkollhom mewta kiefra.
L-operazzjoni tas-salvataġġ twettqet b’attenzjoni u preċiżjoni kbira, u l-aktar ħaġa importanti fl-aħħar mill-aħħar, b’suċċess.
Inzertajt rajt dirett fuq it-television meta tela’ f’wiċċ l-art it-tielet wieħed li salva. Stennejt se nara ‘l xi ħadd miksi bin-nugrufun, bil-kemm jiflaħ jimxi, wiċċu mixrub… Altru li xejn minn dan! Ħareġ jiċċelebra, jaqbeż ‘l hawn u ‘l hemm, u mar jiġri fuq il-folla, jgħidilhom x’ikantaw qishom kienu partitarji tal-futbol. Kienet waħda mill-isbaħ xeni li rajt fuq it-television għal żmien twil.
Jaħasra, nikkonċentraw wisq fuq in-negattiv fl-aħbarijiet, u forsi inevitabbli li jkun hekk. Imma lbieraħ ħadt pjaċir, għax irrealizzajt li, għalkemm tant naraw u nisimgħu dwar ħruxijiet u ħniżrijiet fid-dinja, li jġegħluk titlef il-fiduċja fil-bniedem bħala razza, fino in fondo, fil-maġġoranza l-kbira, il-bnedmin huma bħal dawk in-nies li rajna jagħmlu minn kollox biex isalvaw il-minaturi, u bħall-familjari tal-minaturi li kienu hemm jistennew biex jilqgħuhom lura f’ħajjithom.
Saħħaħt il-konvinzjoni li għandi li, tmur fejn tmur fid-dinja, il-bnedmin fil-biċċa l-kbira nett huma qalbhom tajba. Dawk li ngħidilhom bhejjem huma l-eċċezzjoni, u għax huma l-eċċezzjoni aktar jispikkaw.
P.S. Tkellimt kmieni wisq! Għadni kemm qrajt li wieħed mill-minaturi tela’ lura u sab żewġ nisa, il-mara proprja u dik li f’Malta hemm min isejħilha ‘l-għarusa’, jiġġieldu bejniethom. Ħeqq, wieħed minn 33, u iva, lanqas mhu esaġerat kieku wieħed biss.
Leave a Reply