Ħafna Maltin qishom ras maqtugħa għax in-Nazzjonalisti tilfu l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Oħrajn qishom rebħu xi miljun ewru għax rebaħ il-Lejber. Jaħasra, żewġ estremi għalxejn. Inqabdu f’ċirku vizzjuż ta’ ewforija jew disprament, sempliċiment għax fil-Parlament Ewropew se jmur Laburist wieħed aktar milli se jmorru Nazzjonalisti.
Jien iddeċidejt li nirrifjuta li ninqabad f’daċ-ċirku vizzjuż. Kuntent kont, kuntent għadni, u kuntent kont inkun kieku r-riżultat ħareġ differenti.
Hemm min hu mwerwer, għax forsi erba’ snin oħra Joseph Muscat se jirfes l-għatba ta’ Kastilja. Imma taqbel jew ma taqbilx mal-politika tiegħu, Muscat mhux xi kannibalu. Il-ħajja fiha wisq xi tgawdi biex jaħasra toqgħod ittertaq qalbek fuq jekk il-PN hux se jsir l-uniku partit politiku fid-dinja li jirbaħ l-elezzjonijiet kollha li qatt isiru.
Leave a Reply