L-Indifferenti

Jekk hemm konklużjoni ċara u inekwivokabbli li toħroġ mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, hija din. Il-maġġoranza assoluta, xi 55 fil-mija tal-elettorat, ma tinteressahiex minn din l-elezzjoni tant li lanqas indenjat ruħha tinqala’ minn darha biex tivvota.
 
Din tal-astensjonisti hija bil-bosta l-akbar formazzjoni ‘politika’ fl-Ewropa, ħlief li l-fatt li dawn in-nies ma vvutawx tagħmilha formazzjoni ‘apolitika’ u mhux politika. L-opinjoni tagħhom mhix riflessa fil-Parlament Ewropew li se jifforma dalwaqt, għax għażlu huma stess li ma jkunux irrappreżentati. Tista’ tgħidlu forsi l-Partit tal-Indifferenti, ħlief li kif għidt l-ewwel, la ma vvutawx lanqas ma tista’ ssejħilhom partit. L-isem li jixraq l-aktar għal din il-massa enormi ta’ nies, il-maġġoranza assoluta tal-elettorat Ewropew, hu ‘L-Indifferenti’.
 
Dawn għalihom ma tagħmilx differenza liema grupp politiku jkollu l-akbar rappreżentanza fil-Parlament Ewropew. Lanqas ma tagħmel differenza għalihom liema partit ta’ pajjiżhom jista’ jagħmel l-arja u jiftaħar li għandu l-aktar voti. Iqisuhom affarijiet irrilevanti għal ħajjithom.
 
Minn banda, dan tista’ tarah bħala sinjal pożittiv. Kuntenti biżżejjed u moħħhom mistrieħ biżżejjed li jitla’ min jitla’ se jagħmel xogħlu b’mod sodisfaċenti. Imma tista’ taraha min-naħa l-oħra – ħadd minn dawk li joffru biex jirrappreżentawhom ma jispirahom tant li jħossuha vallapena toqgħod tinqala’ biex tivvotalhom. Sfiduċja fil-kandidati u l-klassi politika kollha kemm hi. Jew inkella jaraw il-Parlament Ewropew bħala xi ħaġa tant remota li frankament lanqas biss jafu għal xiex proprjament ikunu qed jivvutaw.
 
Jien naħseb hija xi ftit taħlita ta’ dawn it-tliet fatturi. Ma narahiex xi ħaġa daqshekk ta’ min jinkwieta fuqha. Hekk jew hekk kulħadd għandu dritt jesprimi ruħu, u dawk li jagħżlu li jużaw dad-dritt qed jiddeċiedu minn min ikun magħmul il-Parlament Ewropew. L-oħrajn, għalihom xorta.
 
Issa, jekk l-awtoritajiet fl-UE jinkwetaw mill-astensjoniżmu massiċċ f’livell kontinentali, għax inaqqas il-‘leġittimità’ demokratika tal-Unjoni Ewopea, allura jridu jieħdu ċerti passi biex ‘jiddemokratizzaw’ l-Unjoni Ewropea. F’elezzjonijiet normali, dawk nazzjonali, l-interess ikun ħafna u ħafna ikbar għax l-elettorat jaf li l-għażla tiegħu se taffettwalu ħajtu direttament. Qed jagħżel il-gvern li se jmexxih. Mhux l-istess l-elezzjonijiet Ewropej, li aktar iservu qisha pika interna bejn il-partiti tal-pajjiżi individwali fuq min hu l-aktar b’saħħtu, waqt li t-tmexxija tal-Unjoni Ewropea għadha saldament f’idejn il-Kummissjoni, immexxija minn persuni magħżula wara bibien magħluqa.
 
Biex f’għajnejn il-votanti l-elezzjonijiet Ewropej jieħdu l-istatura u l-importanza li għandhom l-elezzjonijiet nazzjonali, iridu jkunu jixbhu l-elezzjonijiet nazzjonali f’dik li hija l-motivazzjoni għal xiex wieħed jivvota. Irridu nkunu qed nagħżlu, direttament, gvern għall-Unjoni Ewropea. U l-partiti politiċi jridu jkunu partiti Ewropej, bl-istess isem kemm fil-Finlandja u anke f’Malta (orrajt l-isem tradott għal-lingwa ta’ dak il-pajjiż).
 
Kif inhi s-sistema bħalissa, l-uniku inċentiv hu li tagħti palata morali lill-partit politiku ta’ pajjiżek li għandek għal qalbek. Il-maġġoranza assoluta tal-elettorat Ewropew emanċipat ruħha minn dawn il-vavati, u tħalli ċerti tipi ta’ rivalitajiet għad-dinja tal-isport u tal-futbol.

Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading