Pompa, pożi u ċerimonji

Il-ħaddiema fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li jgħixu fil-Belġjum u l-Lussemburgu, għandhom id-dritt jibagħtu ‘l uliedhom fi skejjel Ewropej apposta għalihom. Dawn it-tfal għandhom l-opportunità jistudjaw il-lingwa tagħhom – ma jimpurtax tkunx it-Taljan, is-Sloven, l-Ungeriż, hi x’inhi, basta lingwa uffiċjali tal-UE – f’dawn l-iskejjel bħala l-ewwel lingwa, bit-tieni lingwa tkun l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż. Din hija opportunità mill-aqwa għat-tfal biex jitgħallmu l-lingwa tagħhom, waqt li fl-istess ħin jipparteċipaw fl-integrazzjoni intra-Ewropea.
 
Imma mhux il-Maltin. Bħal f’kull ħaġa oħra, aħna qisna annimal stramb ġej minn fuq Mars. Xi ġenituri "Maltin", bil-kompliċità tal-gvern Malti, iddeċidew għat-tfal Maltin kollha li l-Malti f’dawn l-iskejjel irid jiġi mgħallem waqt il-brejk ta’ nofsinhar, bħala t-tielet lingwa. B’hekk it-tfal Maltin kollha, mingħajr ma jistgħu jagħżlu, ġew sfurzati jirrinunzjaw mid-dritt li għandhom it-tfal Ewropej l-oħra kollha f’dawn l-iskejjel – dak li jistudjaw il-lingwa tagħhom bħala l-ewwel lingwa.
 
Issa se jiftħu librerija ta’ kotba Maltin fi Brussell, u l-ftuħ se jsir b’ħafna pompa, pożi, paroli u ċerimonji, biex għat-taparsi "ara kemm inħobbuha l-lingwa Maltija". Ma niskantax jekk jibdew iħabbtu fuq sidirhom.
 
Inżammar mhux immur.
 

Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading