Fl-istazzjon ta’ Groenendaal

Kull filgħodu għall-ħabta tat-tmienja ninġabru qrib mas-sittin, tmenin ruħ fl-istazzjon ta’ Groenendaal biex nistennew il-ferrovija li tiffrankalna kedda kbira ta’ traffiku u toħodna dritt fil-qalba ta’ Brussell. Mhux għax tkun xi komda esaġerat, ngħiduha, għax ħafna drabi tant jintuża dan il-vjeġġ li nispiċċaw ikollna noqogħdu bilwieqfa, imma mqabbel mal-uġigħ ta’ ras tat-traffiku tal-karozzi tal-għaġeb kemm hi konvenjenti. Inżomm miegħi ktieb tajjeb, u bilkemm narahom għaddejjin l-għoxrin minuta.
Interessanti l-karattri li jkun hemm, li trid jew ma tridx tidrahom. Ikun hemm min tispiċċa ssellimlu, għalkemm il-biċċa l-kbira ma jagħtu kas ta’ ħadd. Jew għallinqas ma jagħtux kasi, ħa. U kemm ħa ddum issellmilhom, u ma jkollok xejn aktar x’tgħidilhom? Ġieli nispiċċaw imbagħad nerġgħu nibdew ninjoraw ‘il xulxin, jekk mhux ukoll nevitaw ‘il xulxin biex ma jkollniex bżonn insellmu. Oħrajn niggustahom, dejjem bl-istess ġakketta, aktar ma tkun ħamra tixgħel aktar tinnotaha. Raġel ta’ xi 50 sena liebes ġakketta b’xi kitba ddisinjata fuqha – erġajt rajtu ‘l għada biha u bilfors ftakart li kien liebes l-istess waħda!
Meta jkolli lil Gianluca miegħi jiggustawna flimkien. Waħda Spanjola qabdet tkellmu darba fl-eqqel tax-xitwa. Dejjem b’kowt twil b’fer abjad mal-għonq u mal-kmiem. Issa wasalna fl-istadju li nevitaw ‘il xulxin… Oħra, mara sewda twila m’għola hawn. Raġel b’ras daqs dinja. Mara oħra serja, serjissima, dejjem b’ġakketta ħamra, ma tiċċaqlaq xejn u tħares ċass ‘il quddiem. Ieħor twil b’daqna bajda twila, qisu xi rabbi Lhudi. Meta kont immur bir-rota u nipparkjaha hemm kont drajt ukoll lil min jipparkja fl-istess post. Kien hemm wieħed kellu kważi l-istess triq bħali, u bla ma qatt tkellimna konna nispiċċaw kważi ntellqu – almenu jien kont nipprova nippika miegħu.
Fix-xitwa tkun ħafna aktar iebsa. Ibda biex ikun għadu d-dlam, u spiss il-ferrovija tant tkun mimlija bin-nies li ġieli anki tħalli nies l-art, waqt li dawk li jirnexxielhom jiddeffsu jispiċċaw litteralment mgħaffġin fuq xulxin. Anzi joħduha filosofikament, pjuttost bid-daħq, ftit tisma’ tgergir. Qishom irrassenjaw ruħhom għall-fatt li l-ineffiċjenza hi ħaġa inevitabbli. Għamlet ġimgħa bil-pajjiż kollu miksi bil-borra, u għal xi raġuni s-sistema kkollassat, bil-ferroviji jiġu f’ħinijiet rari u tard. Darba minnhom, biex nisħon naqra fil-kesħa kbira li kien hemm imxejt minn tarf sa tarf tal-pjattaforma u lura, mixja ta’ sitt minuti, għal mill-inqas erba’ darbiet, nonfoħ fuq l-ingwanti biex insaħħan xi ftit lil idejja nġazzati.
Is-sitwazzjoni tjiebet sew mal-miġja tar-rebbiegħa. Bdejna naraw id-dawl, it-temperatura saret tollerabbli, il-ferroviji almenu ta’ filgħodu saru puntwalissimi, u niftakar tant kont ħadt gost meta għall-ewwel darba wara x-xitwa rajt ix-xemx tiddi jien u nistenna fl-istazzjon ta’ Groenendaal, biex immur ix-xogħol.
Imbagħad filgħaxija, meta naslu lura mix-xogħol, kulħadd ġirja waħda għall-karozza pparkjata maġenb l-istazzjon biex naqdbu triqitna lura d-dar.
Naħseb dan tal-istazzjon tal-ferrovija huwa wieħed mill-aktar mumenti ta’ kuljum li huma karatteristiċi tal-ħajja tiegħi hawnhekk fil-Belġjum – hu hawnhekk li l-aktar inħossni qisni ‘wieħed minnhom’.

Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading