Wasalna lura l-Belġjum. Jixraq li nintlaqgħu bix-xita, avolja ħafifa. Sakemm ma konniex hawn is-siġar tal-foresti tellgħu kisja ħafifa weraq ġdid aħdar ċar. Xi ġmiel! Kemm tfuħ ir-riħa tax-xita friska fuq il-ħaxix tal-ġnien! Jogħġobni wisq hawnhekk.
Ġejt ikkargat biex nara l-Juventus kontra l-Inter. Il-kard tas-satellita bl-Għarbi reġgħet kaputt, u ma nista’ nara xejn. Ippruvajt nara xi ħaġa bl-internet, bil-justin.tv li semmieli Franco l-kuġin. Kien jinqabad xi ħaġa, mhux tant ċar, u bl-istampa kultant teħel. Aktar kien moħħni noqgħod inqalleb fl-internet. Ħallejthom xejn b’xejn. Il-kowċ tal-Juve Ranieri reġa’ għażel formazzjoni kollha xjuħ, u l-aħjar plejer bil-qabda – Giovinco – reġa’ ħallieh fuq il-bank tas-sostituti jrabbi l-għanqbut. Għadu żgħir wisq ta’ 22 sena. Mid-dehra qatt ma sema b’Pato, Messi jew Rooney! Deċiż sew mid-dehra li jrid joħnoqlu t-talent u l-karriera. Buffu! Nispera li jitilfu forsi jkeċċuh. Hekk jew hekk, rebħa jew telfa fejn konna se nibqgħu, miljun punt taħt l-Inter. Ngħidlek lanqas biċċa Coppa Italia kontra Lazio u Sampdoria mhu ħa jkollu ħila jrebbaħna.
Tfejtlu, u ġejt inħarbex xi ħaġa hawn. La l-kard tas-satellita reġgħet kaputt, u bil-Juve mmexxijin b’mentalità telliefa ta’ kowċ li qatt ma rebaħ xejn (appoġġjat mid-diriġenza – si va avanti con Ranieri ħej, naħseb ħadu żball, suppost qalu si va indietro con Ranieri…) iżjed u iżjed nitlef l-interess fil-football Taljan.
Tlaqt ħa mmur norqod, għax għada filgħodu għandi tellieqa. Niċċekkja kemm spiċċaw u nidħol fis-sodda. Il-lejl it-tajjeb!
Leave a Reply