L-Air Malta mingħalihom in-nies kollha nani, u s-siġġijiet jagħmluhom tant viċin lejn xulxin li rkupptejja jispiċċaw issikkati mas-siġġu ta’ quddiemi, u jien lanqas jien xi twil. Normali. Mingħalihom ukoll li n-nies torox. "SINJURI, MERĦBA ĠEWWA MALTA!" b’volum li jtarrax. L-avviżi bl-Ingliż ukoll tajbin wisq. "Thank you for your copperation". "Thank you for your tension". U iva. L-istewards u l-air hostesses dħulin u jaqduna tajjeb ħafna. L-ikel jgħaddi. Setgħu kienu ħafna agħar.
L-ajruport internazzjonali ta’ Malta, il-familji jistennewna u nifirħu flimkien li erġajna ltqajna. Ġejjin ġimagħtejn ta’ xemx u veduti tal-baħar, storbju, karozzi, toroq mimlijin ħofor u riħa ta’ duħħan tad-diżil, passiġġati max-xatt minn San Ġiljan sa Għar id-Dud, il-ġnien ta’ taħt it-torri ta’ Tas-Sliema, ftira tajba għand Cara’s, żewġ grokkijiet wiski (jew żewġ bottijiet birra kiesħa jekk tkun is-sħana) għand Karm il-maħbub kunjatu, riunjoni oħra ma’ sħabi li niġri magħhom, l-ikla tal-Ħadd mal-familja, pastizzi tal-Maxims, ikla spagetti biz-zalza tal-fenek għand Charles il-Barri, xi pizza al fresco, riunjoni mal-ħbieb li konna l-università f’xi wine bar. Issa l-età bdiet tidher fuqna, imma għadna naħsbuha u nirraġunaw eżatt l-istess, qisna fiż-żmien meta konna għadna żgħażagħ. Il-veduta spettakolari mill-Barrakka ta’ Fuq, forsi naħarbu ħarba ġurnata lejn Għawdex. Il-ġirja mid-dar tas-Swieqi matul ix-xatt ta’ Tas-Sliema sa Tignè u lura.
Is-sabiħ u l-ikrah flimkien jagħmlu lil Malta pajjiż uniku!


Leave a Reply