Dawn se jibqgħu sejrin hekk, jagħmlu li jridu? F’isem id-“delizzju” u t-“tradizzjoni”?
Min, issa, se jħallas għad-danni kolossali li għamlu?
Min?
Min se jsewwi l-ħsarat kbar f’tant proprjetajiet privati?
Min se jpatti għall-isfreġju naturali u ekoloġiku enormi madwar is-Salini u Burmarrad?
Min se jikkumpensa l-bdiewa li l-annimali tagħhom inqatlu jew sfaw terrorizzati, li r-raba’ tagħhom inqered, inħaraq u mtela bil-kimiċi velenużi tad-dilettanti tad-delizzju tradizzjonali?
Min se jiggarantili li meta nkun għaddej passiġġata għall-affari tiegħi fil-kampanja Maltija mhux se nsib ruħi m’għola s-sema mqatta’ biċċiet?
Min se jiggarantili li dan mhux se jiġri lil xi ħadd mill-għeżież tiegħi?
Min minn tant politiċi pompużi li għandna, minflok iħabbat fuq sidru u jaħlef appoġġ bla kundizzjoni lid-delizzji u t-tradizzjonijiet, jinsa għal ftit minuti l-analiżi tar-riżultati elettorali, iċ-ċelebrazzjoni tar-rebħa, il-kuntentizza għax naqqasna d-distakk, u jazzarda jieqaf lil dawn id-dilettanti prepotenti li qed jitterrorizzaw nazzjon sħiħ bid-delizzju tagħhom?
Min?
Milli rajt s’issa, tal-Momentum biss fetħu ħalqhom biex jaqbżu għall-vittmi u għas-sewwa.
Min se jserraħli rasi, se jserrħilna rasna, li l-ikel li se jkollna fuq il-platt mhux ikkontaminat minn kwantità mhux magħrufa ta’ veleni tal-logħob tan-nar mifruxa fuq medda kbira ta’ art agrikola?
Min?
U jekk jgħiduli li kollox sew, se nemminhom? Jiddispjaċini, imma prodotti tal-ikel magħmulin Malta mhux se nixtri aktar. Naf li ilna snin fuq snin, għal ġenerazzjonijiet sħaħ, kull sena nisplodu kwantitajiet industrijali ta’ murtali, bombi u kimiċi velenużi fis-sema eżatt fuq l-għelieqi, fuq ir-raba’, fuq is-sorsi tal-ilma u tal-ikel li nikkunsmaw, madwar Malta kollha.
Naf min se jispiċċa jħallas. Se jħallas il-poplu Malti mit-taxxi tiegħu. U nġibuha fuq l-aħbarijiet ta’ filgħaxija wkoll biex niftaħru biha. Minflok inressqu quddiem il-ġustizzja l-kriminali negliġenti li ħolqu din l-istraġi.
Għadni nistenna kelma li sserraħli rasi minn xi politiċi li mhumiex “tal-partiti ż-żgħar”. Tilħaq issir straġi oħra u nkun għadni nistenna. U nerġgħu nittamaw li jseħħ “miraklu” ieħor u ma jweġġa’ ħadd.
Basta nipproteġu d-“delizzji” u t-“tradizzjoni”. Dawn importanti iktar minn kollox, ċertament iktar mis-sigurtà, is-saħħa u l-ħajjiet tan-nies.
U morru xxejru.

Leave a Reply