Ċensina

Jisimni Vincenza, imma hawnhekk jgħajtuli Ċensina. Fil-kamra miegħi għandi lil Ġorġina u Ġużeppina. Hija drawwa fil-home, fejn issa ili ngħix dawn l-aħħar ħames snin, li ismijietna jinqalbu għad-diminuttiv bil-Malti. Stramba kif ġrat, għax il-carers hawn kważi kollha barranin. X’aktarx l-ismijiet dawwarniehom aħna r-residenti stess u n-nies li jiġu jarawna. Fi tfuliti kienu jagħtu l-ismijiet bit-Taljan, meta kbirt bdejna nsemmu t-tfal bl-Ingliż, u issa li xjaħna qlibna għall-Malti.

Twelidt 90 sena ilu, l-iżgħar waħda minn disat aħwa, erba’ bniet u ħames subien, l-unika waħda li għadni ħajja. Missieri kien sajjied u ommi ħajjata, għalkemm ftit kien ikollha ħin biex tħit jekk mhux għalija u għal ħuti. Il-bqija tisjir u xogħol tad-dar minn filgħodu sa filgħaxija. Kemm ħabirku għall-familja ommi u missieri! Inkoraġġewni nkompli l-iskola u bis-saħħa tagħhom sirt għalliema tal-matematika u wara anki lħaqt Kap tal-Iskola.

Daqs kemm issa ma nagħmel xejn, qabel kont attiva, għalkemm il-ħajja ma kinitx ħanina miegħi. Ir-raġel telaqni għal waħda għoxrin sena iżgħar minnu. Lanqas biss hi ħelwa. It-tifel Charles jgħix l-Awstralja fejn għandu karriera tajba ta’ tabib. Darba fis-sena jqatta’ ġimagħtejn Malta u jiġi jarani kuljum. Issa jonqsu erba’ xhur biex jiġi, u diġà qed ngħodd il-ġranet. It-tifla Maria tajjarha trakk waqt li kienet qed tiġri filgħodu f’Ta’ Qali. Ix-xufier għaddieha lixxa. Skont l-għaref imħallef missha kienet liebsa vavalor jixgħel, qal. U l-ħajja ta’ mara mitmuma hekk, b’mod assurd, minn trakk għaddej qisu l-indimunjat. Għandi neputija, Katya, it-tifla tat-tifla, single mother. Miskina trid taħdem u trabbi tifel ta’ sentejn, imma fil-weekend tiġi tarani u ġġib it-tifel magħha. Vince. Kemm hi ħelwa, semmietu għalija minflok kif saru jsemmuhom issa, kulħadd Clive, Clinton, Clint, Clayton jew Clifton.

Jien ukoll kont niġri u nħobb insiefer. Fil-fatt għadni nħobb niġri u nsiefer, ħlief li issa ma nistax għax ġismi ma jtinix. Meta bdiet il-maratona f’Malta f’1986 kelli 50 sena u diġà kont inħobb noħroġ niġri. Dak iż-żmien kont waħda minn ftit u mhux l-ewwel darba li kienu jgħadduli l-kummenti jew jiċċassaw lejja jien u niġri fuq il-bankina. Anki ġrejt il-maratona ta’ Malta darbtejn, darb’oħra għamilt ta’ Londra u l-aħħar maratona li ġrejt kienet f’Pariġi dakinhar li għalaqt 60.

Once a runner, always a runner. Issa niġri biss billejl, waqt xi ħolma. Kull darba jiġini l-ħsieb: ara qed tara nista’ niġri wara kollox, anki bla training. Sakemm nerġa’ nistenbaħ u nsib ruħi lura fil-kefrija tar-realtà. Waħdi, magħluqa fija nnifsi, maqbuda f’ġisem li ma jiflaħx jiċċaqlaq. Leħni marli. Nisma’ kollox, nifhem kollox imma ma nista’ ngħid xejn. Nista’ nagħmel biss ftit sinjali b’idi l-leminija. Niddependi totalment mill-carers, biex joħorġuni mis-sodda u jpoġġuni f’siġġu tar-roti, jaħsluni, jitimgħuni, kollox.

Kemm huma ħelwin imsieken. Anki qabdu jgħidu xi kliem bil-Malti. “Orrajt Ma?”, “ixrob tè, Ma!”, “mur quddies, Ma?”. Lanqas il-paga minima ma jitħallsu, x’għarukaża, u tant jieħdu ħsiebna b’paċenzja enormi. Kemm hawn min ikun arroganti magħhom, residenti u viżitaturi, jippretendu l-mirakli mingħandhom u allaħares jagħmlu xi żball. Min jgħajjat ‘l hawn, min litanija dagħa faħxi ‘l hemm, u għaddejjin hekk. Id-doppju tal-paga minima ħaqqhom, mhux il-ftit ċiċri li jtuhom. Missna nistħu.

U l-ħajja tibqa’ għaddejja. Nisma’, nosserva u ma ngħid xejn. Għadni l-istess persuna li kont ta’ sittax-il sena, ta’ tletin, meta kont niġri u nsiefer ‘l hawn u ‘l hinn. L-istess xewqat, l-istess gosti, l-istess fehmiet. Maqbuda f’ġisem bla saħħa. Nistenna sakemm isir ħin l-irqad u nintilef fil-ħolm.

Ġurnata wara l-oħra wara l-oħra.


Comments

One response to “Ċensina”

  1. Sue avatar
    Sue

    Prosit Ton, vera ghogbitni din – ftit rejalta’ u ftit fantazija, imma lqatt hafna punti importanti. Well done and well written!

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading