Mixja sat-tempju Puniku tal-Wardija, Għawdex

Tiskanta kemm naqra ta’ gżira żgħira bħalma hu Għawdex ikollha tant x’toffri. Kultura, knejjes sbieħ u fuq kollox ġmiel naturali. Kważi kull darba li mmur niskopri xi ħaġa ġdida, anki wara għexieren ta’ snin u ta’ żjarat hemmhekk.

Did-darba ma kinitx skoperta vera u proprja. Skoperta tkun xi ħaġa li ma kontx qed tistennieha. Fejn mort did-darba ma’ Gianluca kien qalli bih ħabib kollega tiegħi, issa eks kollega peress li rtirajt, u ili minn dakinhar infittex l-okkażjoni biex immur: il-ponta tal-Lbiċ ta’ Għawdex fejn hemm dak li fadal mit-tempju Puniku tal-Wardija.

L-ewwel bdejna b’pellegrinaġġ lejn il-forn tal-Maxokk fin-Nadur. Dan ilu minn erba’ ġenerazzjonijiet jipproduċi ftira Għawdxija ta’ tjubija immensa. Forma ta’ pizza imma bl-għaġina mdawra ‘l fuq tgħatti ħafna mill-wiċċ li jkun fiha rkotta, patata u ġbejna tan-nagħaġ – huma jsejħulha ftira tal-ġobon – jew inkella bil-patata, inċova u tadam. Minn xi snin ‘l hawn iddiversifikaw b’ingredjenti alternattivi, imma s’issa dejjem ippreferejna l-ftira tal-ġobon.

B’żaqqna mimlija u kuntenta, soqna sar-Rabat u ħallejna l-karozza hemm. Miċ-ċentru tar-Rabat sar-raħal Ta’ Kerċem kellna mixja ta’ xi nofsiegħa jew tliet kwarti li, sfortunatament, ma kinitx pjaċevoli – is-soltu traffiku, karozzi, trakkijiet, storbju, dħaħen u trid toqgħod b’seba’ għajnejn biex tibża’ għal ġildek. Hija t-traġedja ta’ pajjiż li jadura l-karozzi bħala allat u jinjora kważi għalkollox il-bżonnijiet ta’ min jixtieq joħodha bil-mixi. Anki wara li ħriġna minn Ta’ Kerċem u qbadna t-triq li tgħaddi minn maġenb l-irdum tal-Lbiċ ta’ Għawdex, qalb l-għelieqi u l-kampanja, kull ftit tal-ħin ikollok tersaq lejn il-ġenb tat-triq biex jgħaddi trakk tal-ġebel jew tal-konkos. Pajjiż ossessjonat bil-ġebel u l-bini, imma se nieqaf hawn bit-tgergir, għax li ġie wara patta għal dan kollu.

Il-mument li ħriġna mit-triq dħalna f’dinja ġdida. Ah, x’potenzjal għandhom il-gżejjer Maltin kieku rridu!

Inżilna f’passaġġ dejjaq qalb l-għelieqi li jagħti għal xifer l-irdum. Minn hemm stajt tara taħtek il-bidu tad-daħla li tagħti għall-bajja tax-Xlendi, bit-torri maestuż restawrat m’ilux jgħasses il-bokka. Warajh l-irdum tas-Sanap li mbagħad jagħtu għal Ta’ Ċenċ. Il-kosta Għawdxija toffri tabilħaqq spettaklu!

Il-ħasra kienet li dakinhar inzerta wisq imċajpar, għax kieku anki l-kosta tal-Majjistral ta’ Malta kienet tidher sew minn fejn konna. Imma qrib tagħna diġà kien hemm aktar minn biżżejjed biex jgħaxxaq l-għajnejn.

Fir-ritratt ta’ hawn fuq tidher il-mogħdija mnejn konna mexjin. Kultant ikollna nixxabbtu xi biċċa żgħira, imma fil-biċċa l-kbira għall-wita, nitpaxxew bix-xenarju. Kellna r-riħ eżatt mill-faċċata, mil-Lbiċ, u qawwi mhux ħażin ukoll.

Fl-aħħar, wasalna fuq il-pont fejn il-kosta tikser f’daqqa. Dorna d-dawra, u tfaċċat quddiemna n-naħa tal-Punent kważi kollha kemm hi tal-gżira Għawdxija. Meravilja.

Konna qegħdin fuq il-post tat-tempju Puniku. Ħsibna li se naraw xi kostruzzjoni jew ġebel, meta fil-fatt dan it-tempju huwa mħaffer fil-blat. Imma rrid ngħid, kienu jafu jagħżluhom il-postijiet fejn jisimgħu quddiesa dawn il-Puniċi.

Komplejna fid-direzzjoni tad-Dwejra, b’pass naqra aktar mgħaġġel peress li xtaqna nilħqu l-karozza tal-linja li jmiss minn hemm lura lejn ir-Rabat, u mhux dik ta’ wara li kienet titlaq siegħa aktar tard, fid-dlam. Quddiemna issa kellna l-kosta kollha tal-Punent ta’ Għawdex fil-glorja kollha tagħha, bil-Blata tal-Ġeneral mhux wisq ‘il bogħod minna, warajha l-vojt li ħalliet it-Tieqa tad-Dwejra wara li ġġarrfet u għerqet, u aktar lil hinn l-irdum li jwassal sal-ponta tal-Majjistral tal-gżira.

Fuq ix-xellug, il-baħar imċajpar taħt l-irdum għoli, fuq il-lemin il-blat isfar tal-franka llixxat b’eluf ta’ snin tal-elementi jtambru u jsammru fuqu.

Konna qed noqorbu lejn dik li nqisha l-aktar bajja spettakolari fil-gżejjer Maltin: il-bajja tad-Dwejra. Din tinżel bit-taraġ għaliha min-naħa tat-torri, fuq in-naħa l-oħra ta’ fejn konna aħna. Issib ruħek fuq blat iebes u jniggeż maġenb rampa għad-dgħajjes, bilkemm ikollok fejn tpoġġi. Imma darba tinżel tgħum tkun f’ċirku enormi ta’ baħar fond imdawwar bi rdum għoli, bil-famuża Blata tal-Ġeneral tgħasses id-daħla.

Iż-żewġ ritratti ta’ hawn fuq ħadthom bosta snin ilu, ftit qabel għawma fil-bajja tad-Dwejra. Aħna did-darba konna neżlin min-naħa l-oħra, pjuttost mgħaġġlin, sfortunatament.

Tal-linja lħaqnieha bl-eżatt, anki għax waslet fuq il-post ħames minuti aktar tard milli suppost. Il-post kien jiflaħ iktar esplorazzjoni, imma dejjem hemm darb’oħra!


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading