Ali Baba jirkeb fuq Zidane

Żmien ilu morna l-Marokk. Ġmiel ta’ pajjiż! Waħda mill-mawriet li għamilna hemmhekk kienet waħda organizzata lejn l-inħawi tal-muntanji tal-Atlas. Dħalna fil-ħin miftiehem fil-minibus, li kien qed jistenna fil-pjazza Jemaa el-Fna ta’ Marrakech, u wara siegħa nistennew lil xi membri tal-grupp li min jaf x’baqgħu jagħmlu, tlaqna għal għonq it-triq.

Il-bini aħna u ħerġin minn Marrakech beda jonqos ftit ftit u minflok konna qed naraw għelieqi, art agrikola u pjanuri bil-ħaxix. Quddiemna, il-muntanji tal-Atlas bil-quċċati miksijin bis-silġ kienu qegħdin dejjem jikbru fid-daqs.

Il-gwida tagħna għal din l-eskursjoni kien jismu… b’sorpriża kbira ġenerali… Mohammed. Kellu fuqu entużjażmu kbir u ammetta li kien ilu biss sena jaħdem bħala gwida, u kien matul din is-sena li tgħallem l-Ingliż.

L-ewwel waqfa kienet rikba fuq il-ġemel.

Żewġ nisa Ġermaniżi, koppja żgħażagħ Ingliżi bil-backpack, student minn Singapore li kien qed jistudja l-“Process Engineering” fi Zurich, u familja ta’ tlieta Maltin ingħatajna biex nilbsu ħwejjeġ tradizzjonali tad-deżert bit-turbani u l-velijiet li jmorru magħhom, kif ukoll bidlulna isimna għall-okkażjoni. Gianluca (sorpriża oħra) issemma Mohammed, Sue bdiet tissejjaħ Fatima, u jien sirt Ali Baba.

Għenuna nirkbu fuq il-ġemel. Jien, Ali Baba, kelli lil “Zidane”, u malli rajtu tkexkixt. Kellu sarima u r-ragħwa ma’ ħalqu. Kien nervuż u l-ħin kollu jiċċaqlaq. Imxejna wieħed wara l-ieħor u Zidane kompla mal-kurrent, imma deher ċar li kien skomdu ferm. Ali Baba kien qed jibbilanċja fuqu żewġ metri ‘l fuq mill-art, b’dahru diġà nofs kedda u ggranfat mas-sedil, ukoll imwerwer. Ir-ragħwa f’ħalq Zidane kienet qisha qed tbaqbaq u ħsibtu miskin se jifga. Bqajna noqomsu daqs nofs kilometru fi sqaq qalb l-għelieqi qabel ma dawwarna lura lejn it-triq. B’xi mod, Zidane kien żamm il-kalma. Sfurzawh jinżel għarkuptejh u ħrabt niġri malajr kemm stajt minn fuqu.

U hawn ippermettili, għażiża qarrejja, għażiż qarrej, nagħmel daqsxejn ta’ paniġierku. Imissna nistħu aħna l-bnedmin kif nittrattaw l-annimali l-oħra. Kif inġibu rwieħna ta’ bullies arroganti, il-mostru tan-natura. Iddeċidejna li l-ħallieq ta’ kollox tana d-dritt nagħmlu li rridu bil-ħlejjaq l-oħra, hekk, kif ifettlilna. Iddeċidejna li hija setgħa ġejja minn Alla, l-istess kif jgħidu d-dittaturi, u dan biex niġġustifikaw il-moħqrija li nwettqu fuq l-annimali. Injassruhom, inġegħluhom jagħmlu xogħol iebes għalina, inżommuhom f’kundizzjonijiet atroċi. Fittex fuq Google “industrial farming” jew “animal testing” għal aktar dettalji, imma kollha kemm aħna nippreferu ma nfittxux u ma narawx, forsi ninsew. Jien ukoll ħati. Il-laħam inħobbu, il-proteini għandi bżonnhom, imma nipprova nnaqqas l-impatt billi nikkonsma inqas prodotti tal-annimali. Biex intaffu l-kuxjenza ngħidu li l-annimali mhumiex intelliġenti jew ma jħossux. Imma kif nistgħu nkunu daqshekk ċerti? Jien anzi pjuttost ngħid li bil-maqlub: l-annimali għandhom is-sentimenti u huma konxji mill-istat tagħhom. La ma naħqarx bnedmin oħra l-istess m’għandix naħqar annimal. Imma n-natura għamlitni niekol il-laħam u dan il-fatt ma jien xejn komdu bih. Għall-inqas, għall-inqas, ma nġegħlux annimali oħra jsofru biex sempliċiment niddevertu aħna. Povru Zidane.

Daqsxejn ta’ tama hemm. Mara miċ-Ċilì li kienet parti mill-grupp irrifjutat li titla’ fuq ġemel. Aktar tard matul il-ġurnata, meta “offrewlna” ikla f’dar “tipika Berber” (li wara talbuna nħallsu għaliha), erba’ minn disa’, kważi n-nofs, iddikjaraw li huma veġetarjani u talbu biex ma jingħatawx laħam. Jidher li qiegħda tikber il-kuxjenza tan-nies dwar dan.

Il-waqfa li jmiss, ma setax jonqos, kienet l-impriża taż-żejt tal-argan. L-għasir taż-żerriegħa tal-argan, minn siġra li tikber fil-Marokk, jagħmluh in-nisa. Għal dawk inqas kolti minna, l-attrazzjoni prinċipali kien it-toilet, li għalih inġbarna folla mdaqqsa iktar minn dik li marret issegwi lil waħda min-nisa li jaħdmu fil-post li kienet qed tispjega fuq it-tipi differenti taż-żjut li jipproduċu, bil-kelma “argan” tissemma mill-inqas darbtejn f’kull sentenza. Iż-żjut huma tajbin għall-ġilda, għax-xagħar, is-soltu insomma. Dellikna ftit kampjuni ta’ fwejjaħ tal-argan fuq idejna u ftit wara ħriġna f’bitħa ħelwa bid-dell biex induqu xi tipi ta’ argan li jista’ jiġi kkunsmat. Mal-ħobż kien jintiegħem tassew bnin. Naturalment, konna qed noqorbu lejn l-essenzjal tal-waqfa tagħna hawnhekk: il-ħanut tal-argan.

Jien ħrabt ‘il barra nieħu xi ritratti ta’ raħal fuq il-ġenb tal-għolja n-naħa l-oħra tal-wied.

Xiħ b’wiċċu mkemmex, it-tip li tara fid-dokumentarji, ġie fuqi jġorr xi imbarazz u souvenirs u hekk.

“Ali Baba!” qalli, u pprova jbiegħli mill-imbarazz li kellu.

X’inhu! Ali Baba? Kif jaf x’kienu laqqmuni? Tgħid il-gwida tagħna, Mohammed, qagħad jgħidlu fuq il-logħba tagħna tal-ismijiet tal-grupp? U lil kemm nies mar jgħid allura? “Le, grazzi,” it-tweġiba tiegħi tas-soltu.

Komplejna nsuqu aktar ‘il fuq. Ix-xenarju kompla jisbieħ. Il-waqfa li jmiss ma kellha ebda skop kummerċjali u kienet biss biex napprezzaw il-veduta u nieħdu xi ritratti. Mohammed, ta’ bniedem mistħi li hu, ixxabbat ma’ siġra u qagħad jippoża fuqha biex noħdulu ritratt. B’sorpriża għal kulħadd, l-istudent tal-Process Engineering minn Singapore tħajjar u mar jippoża huwa wkoll. Kulħadd jinkwieta, anki Mohammed, imma niżel lura qawwi u sħiħ mingħajr ma nqasmu friegħi bih.

Kieku kien mara, lil Mohammed ma konniex noħdulu ritratt. Aħna u noqorbu lejn ir-raħal tiegħu fin-naħa t’isfel tal-ogħla muntanja fl-Afrika tat-Tramuntana (it-Toubkal, 4167 metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar) qalilna li nistgħu nieħdu ritratt ta’ kollox barra tan-nisa Berber. Imma mbagħad, meta wasalna fid-dar tipika Berber għall-ikel, il-ħitan kienu mżejnin b’ritratti antiki, fosthom anki ta’ nisa. Forsi ma kinux Berber? Jew ir-regoli kienu differenti dak iż-żmien? Jew fil-fatt ma kinux nisa? Ġietni kurżità nsaqsi jekk stajniex nieħdu ritratti ta’ ritratti ta’ nisa Berber. Imma kulħadd irrispetta x-xewqat tagħhom fuq din, ovvjament, anki għax kellna bżonnhom iwassluna lura Marrakech.

Wara l-ikel, Mohammed ħadna mixja fil-wied. Waqafna fi dwejra li dehret ġenwinament awtentika tal-lokal – ferm primittiva. Imxejna naqra oħra, quddiem ħanut tat-twapet u ornamenti tal-ġilda u l-metall, li (kumbinazzjoni) inzerta fuq l-istess mogħdija mnejn għaddejna aħna. Fl-isfond, muntanji miksijin bis-silġ u fuq il-ġnub tagħhom irħula kulur it-tajn. Ġmiel.

Fit-triq lura lejn Marrakech konna għajjenin u anki Mohammed bħal waqa’ fil-muta. Il-minibus niżżilna f’Jemaa El-Fna u tlaqna bil-mixi nrossu qalb il-folol fil-medina biex nidħlu lura f’kamritna ġor-Riad Les Hibiscus.

Ħin minnhom minn quddiem ħanut nisma’, “Ali Baba! Ejja idħol ara x’għandna fil-ħanut!”

Reġa’! Hawn ukoll? U f’daqqa waħda xegħlet bozza. U żgur! Fil-fatt għall-Marokkini Ali Baba huwa eroj tal-folklor u lill-irġiel bid-daqna, biex jikkumplimentawhom, jagħtuhom dak it-titlu. Imma, jaħasra, dan Ali Baba partikolari, jekk għandu qalb, hija wisq xierfa:

“Le, grazzi!”


Comments

3 responses to “Ali Baba jirkeb fuq Zidane”

  1. christineburlo avatar
    christineburlo

    Really enjoyed reading this ! and sometimes with a smile on my face too ! kept me captivated till the end just as if I too was on that trip ! Prosit Ton and look forward to more episodes !

    1. Tonio Privitelli avatar

      Grazzi 🙂 Ħalli f’idi. Kellna aktar avventuri l-Marokk u anki f’postijiet oħra.

  2. Sue avatar
    Sue

    Gibtli ftit memorji sbieh, prosit.

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading