Vindication, qaltlu

Xi nies għoġobhom, ftit ilu, jipproġettaw kliem ta’ protesta fuq il-Berġa ta’ Kastilja. Mhux vandaliżmu (Alla ħares), għax il-kliem kien ipproġettat bid-dawl, mhux biż-żebgħa jew xi ħaġa li tibqa’ permanenti. Il-permanenza baqgħet bis-saħħa tar-ritratti.

houseofimpunity

whokilleddaphne

Messaġġ ċar u qawwi, u mistoqsija leġittima li rridu nafu t-tweġiba għaliha, li qabel ma nsiru nafuha l-pajjiż se jibqa’ avvelenat. Ebda bużullotti u spettakli ta’ aljenazzjoni u propaganda m’huma se jimpressjonawna qabel ma nsiru nafu min ordna l-qtil ta’ Daphne.

Id-difensuri ta’ “Malta”, naturalment qomsu. “Malta”, f’moħħhom, tfisser il-gvern ta’ Malta u l-persuni eletti fih.

“There’s a fine line between freedom of speech and vindication,” qaltilna waħda għarfa fuq Facebook. Missha kitbet bil-Malti għax l-Ingliż ma tafux sew. Is-sentenza ma tagħmilx sens ħlief jekk tinterpreta “vindication” bħala “vendikazzjoni”. Min jaf, forsi lanqas bil-Malti ma taf tikteb. Għal ġieħna, il-profil ta’ din id-difensura qalbenija ta’ “Malta” jipproklama li għandha Master of Science…

Għall-ewwel ikkummentajt taħt din is-sentenza biex infakkarha li “vindication” m’għandha x’taqsam xejn ma’ “vendikazzjoni”, kif riedet tfisser hi. Imbagħad għidt, u xi ż-żigg, u l-kumment tiegħi ħassartu. Lanqas ħaqq il-ħela ta’ ħin jekk din toħroġ b’xi argument intelliġenti ieħor, u erġajt lura għas-silenzju tiegħi fuq Facebook.

Grazzi, Sinjura Difensura Qalbenija, M.Sc., talli qawwejtli r-riżoluzzjoni li nuża l-ħin prezzjuż tiegħi aħjar milli noqgħod nargumenta għalxejn. Kawża mitlufa jisimgħa magħha.

 

Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading