Inżul ix-xemx memorabbli f’Wied iż-Żurrieq

Wied iż-Żurrieq 08

Immaġina mejda żgħira kwadra, b’wiċċ ta’ metru kull naħa. Ikollha linji mmarkati fuqha, viċin ħafna ta’ xulxin – millimetru preċiżament. Ikun hemm elf linja fid-direzzjoni ta’ xifer wieħed, u elf linja fid-direzzjoni tax-xifer kantuniera miegħu, biex jifformaw kaxex żgħar ta’ millimetru kull naħa. Fuq dil-mejda, pjuttost żgħira, naraha kurjuża li jkun hemm xejn inqas minn miljun kaxxa. Tasal tgħid, mhux xi daqshekk kwantità kbira miljun, hu?

Nimxu pass iktar. Ringiela ta’ ħamsin minn dawn l-imwejjed, waħda tmiss mal-oħra. Tkun twila daqs nofs it-tul ta’ grawnd tal-futbol. Anzi, għoxrin minn dawn ir-ringieli, imissu ma’ xulxin. Ħamsin metru tul u għoxrin metru wisa’, miksijin b’kaxex irqaq ta’ millimetru kull naħa.

Ikollok biljun kaxxa!

Faċli tikkonċepiha, hu?

Voldieri meta wieħed joqgħod isemmi biljun ewro, tista’ timmaġina ewro għal kull kaxxa żgħira ta’ millimetru kull naħa f’wesgħa ta’ 50 metru b’20 metru.

Ċiċri.

Ħa ngħidlek kemm huma ċiċri. Kieku kellek tgħodd mill-wieħed sal-biljun, nagħmlu mod taqbad dawk il-biljun ewro li semmejna, u tgħoddhom wieħed wieħed. Xi kemm iddum tgħid? Ġimgħa? Xahar? Sena? Niċċekkjaw…?

Numru tipiku bejn wieħed u biljun huwa, ngħidu aħna, 125,747, 018 – mija u ħamsa għoxrin miljun, seba’ mija  u seba’ u erbgħin elf u tmintax. Jekk tgħaġġel tgħidu fi tliet sekondi. L-ewwel skoss numri se tgħidhom aktar malajr, imma tinsiex dawn huma biss l-ewwel ftit. Il-biċċa l-kbira nett fihom disa’ ċifri, jiġifieri bi tliet sekondi ‘l wieħed qed nikkalkulaw rata mgħaġġla ferm. Ejja nibdew ngħoddu l-biljun ewro.

F’siegħa tgħodd 1200 numru. F’ġurnata tasal sa 28800. F’mitt ġurnata tqarreb it-3 miljuni, 2,880,000 biex inkunu preċiżi. F’sena taqbeż l-għaxar miljuni: 10,512,000. U rridu ngħoddu elf miljun. Trid tibda mill-età tenera ta’ ħames snin u tgħix sal-età venerabbli ta’ mitt sena, u tgħodd mingħajr ma torqod, numri ta’ disa’ ċifri fi spazju ta’ tliet sekondi wieħed wara l-ieħor mingħajr ma tieqaf, biex tgħodd sal-biljun.

Altru li mhux ċiċri.

U Filfla fiex tidħol? Għall-kuntrarju taċ-ċiċri, altru li tidħol. Minn dawk il-kaxex iż-żgħar ta’ millimetru kull naħa, waħda ħdejn l-oħra, mis-siġra tal-kaktus sa Filfla tista’ tpoġġi ħames miljuni. Biljun minn dawk il-kaxex żgħar ta’ millimetru kull naħa, imissu ma’ xulxin, iwassluk dik id-distanza għal mitejn darba, dritt sal-eqqel tad-deżert Saħara fiċ-ċentru tal-Libja…

Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading