Il-kolonni ta’ Buren

Xi ftit tas-snin ilu morna Pariġi, u nista’ ngħid impressjonatni sew. Fost ħafna ritratti li ġbidt, wieħed minnhom kienu ta’ bitħa kbira, imdawra bil-kolonni u mimlija pedestalli baxxi miżbugħin bl-istrixxi. Kien tard waranofsinhar u kont mgħaġġel biex immur lura l-lukanda, u lanqas kelli amment fejn kien il-post, ħlief li xi mkien viċin il-Louvre.

Ilbieraħ ir-ritratt tela’ fuq l-iscreen saver, bl-irtokki tal-kulur li għamiltlu b’kollox, u tant għoġobni li għidt jixraqlu nżejjen ftit hawnhekk bih. Imma kelli bżonn niskopri x’kienet din l-imbierka bitħa.

Il-kurżità ssodisfajtha permezz tal-Google Maps – ir-ritratt bis-satellita. Ittawwalt ftit madwar il-bini tal-Louvre, u l-bitħa sibtha ftit ‘il fuq minnu, kaxxa mdaqqsa bi skoss tikek u d-dell ta’ żewġ passaġġi bil-kolonni li jifirdu l-bitħa minn ġnien. Skoprejt li r-ritratt juri biċċa xogħol tal-1986 ta’ artist “minimalist astratt” Daniel Buren. Magħrufa infatti bħala Le Colonnade de Buren, u tinsab fil-Palais Royal.

Sibt artiklu fuq blog dwar din l-opra. U kumbinazzjoni, ir-ritratti hawnhekk ukoll jidhru b’kuluri differenti, għal raġunijiet imsemmija fl-artiklu. Għal aktar informazzjoni dwar il-kolonni pjuttost kontroversjali ta’ Buren tista’ taqra l-artiklu li semmejt hawnhekk.


Comments

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading