Il-Ħadd kellu jisbaħ ġurnata oħra sajfija u sħuna. Qomt ikkargat biex inżid post ieħor fil-Belġju li nduru dawra tajba bir-ritratti, dħalt fil-karozza u dabbart rasi.
Imma minflok sajf, xemx u sħana sebaħ griż u umdu. U iva, naqra ċpar, issa jiċċara. F’affari ta’ tliet kwarti wasalt Mons. Bqajt dieħel prattikament saċ-ċentru bla ma ltqajt ma’ traffiku, u pparkjajt f’telgħa ftit ‘il bogħod miċ-ċentru bla problema ta’ xejn. Ħriġt u tlaqt bil-mixi. Toroq baħħ. Kollox griż u tqil. Mamma mia, fejn ġejt? Dan żgur mhux post tat-turisti! Ħeqq, kultant ma tiġix tajba. U iva, issa mmur sal-pjazza nara ftit x’hawn u mbagħad nara.
Fil-Grand Place kien hemm uffiċċju għat-turisti miftuħ – sinjal tajjeb – u dħalt ħa nġib mappa b’xi passiġġata turistika. Ta’ wara l-bank tgħidx kemm kien dħuli, u tani ktejjeb b’informazzjoni fuq Mons, mappa taċ-ċentru u oħra tal-inħawi tal-madwar, kollox b’xejn. Tellagħni s-sema meta tlabtu verżjoni bl-Ingliż. Qalli “għalfejn? Għandek Franċiż daqshekk tajjeb!” Ħeħeħe, merci, mais c’est pas beaucoup… imma xi ftit progress qed nagħmel. Allaħares le, wara ħames snin x’waħda din. Qalli wkoll li minn ħdejn l-istazzjon fis-sagħtejn u nofs jorganizzaw passiġġata bil-gwida, tiswa xi tliet ewri kollox. Perfett! Nintefa’ ndur niġbed ir-ritratti, niekol xi ħaġa f’nofsinhar, u wara mmur il-passiġġata bil-gwida.
Hekk għamilt, u skoprejt li dan Mons fih ħafna x’tara wara kollox. Hija belt medjoevali mibnija fuq għolja, li wara li jidher li kienet tħalliet tintelaq u tiddekadi, issa għaddejja minn fażi ta’ riġenerazzjoni, megħjuna wkoll mill-fatt li fl-2015 se tkun il-belt kapitali tal-kultura Ewropea. Allura qed iduru dawra tajba l-monumenti li għandhom, u taw tiżjina u organizzaw iċ-ċentru storiku, anki b’kontroll u limitazzjoni stretta tat-traffiku. Infatti, anki meta għadda aktar ħin u eventwalment it-toroq imtlew mhux ħażin bin-nies, ftit kien hemm karozzi, u ftit li xejn ma jagħtuk fastidju, anki għax hemm numru sew ta’ toroq irriservati għan-nies biss.
Ħabat tajjeb ukoll, wara kollox, li kien imsaħħab għax kelli xalata ta’ ġbid ta’ ritratti bla inkwiet ta’ xejn li kieku jkun hemm ix-xemx ittellef u tħarbatli nofshom.
Mill-faċċata tal-bini tas-sala komunali dħalt hawn ġew:
U ġejt hawn, fil-bitħa fuq in-naħa ta’ wara:
Imbagħad waranofsinhar il-gwida ġab iċ-ċwievet u ħadna wkoll dawra ġewwa, fejn kienu u għadhom isiru l-laqgħat l-aktar importanti fil-belt ta’ Mons:
U fl-aħħar uriena l-maskot ta’ Mons, xadina ċkejkna ftit ikbar minn pied imwaħħla mal-faċċata tal-bini komunali. Mid-dehra hemm xi misteru fuq dix-xadina, għax ħadd ma jaf eżatt kif sabet ruħha hemm! Issa jingħad li jekk tmellisha b’idek ix-xellugija fuq rasha, iġġiblek risq tajjeb għal sena. Din ma qalhilniex il-gwida, kienet fuq il-ktejjeb, imma donnu l-gwida jemminha sew għax huwa u jispjegalna t-teoriji fuq mnejn setgħet ġiet ix-xadina nnutajtu l-ħin kollu jpoġġi idu x-xellugija fuq rasha! U mhux hu biss, għax ara kif ġabuhiela tleqq il-qargħa:
Għad hemm ħafna partijiet ta’ Mons li għadhom mitluqa, speċjalment fin-naħa ‘l isfel mit-triq fejn hemm il-ħwienet. Tistħajlek qisek tibda fi Strada Rjali, il-Belt, u tibqa’ nieżel ‘l isfel. Anki wieħed f’sakra ma jarax art kien hemm, u żewġ karattri oħra ħassbuni naqra. Billejl żgur ma nkunx nixtieq ngħaddi minn hemm.
Hawnhekk, mhux ‘il bogħod mill-istazzjon, ma kienx daqshekk ħażin, imma tant ma jużah ħadd li jien u miexi għaddejt minn ġo nofs għanqbuta daqs dinja:
Imma mbagħad bdejt tiela’ ‘l fuq lejn iċ-ċentru, u f’daqqa waħda tfaċċa dan il-bini gotiku spettakolari, il-knisja kolleġjali ddedikata lil Santa Waudru (tinqara “vodrù”):
Aktar toroq dojoq bil-cobbles, u fl-isfond id-dehra imponenti tal-Beffroi:
Il-kampnar, il-monument simbolu ta’ Mons li jiddomina l-belt u l-inħawi kollha ta’ madwarha, huwa għoli 27 sular. Prattikament daqs it-torri tal-Hilton, imma x-xebh jieqaf hemm.
Tkompli tiela’ u toqrob lejn il-kampnar, u tiftakar xi ftit fiċ-Ċittadella ta’ Għawdex, anki tgħaddi minn taħt mina, u fuq il-lemin tilmaħ il-kappella antika tal-ħdax-il seklu ddedikata lil Saint Calixte. Issaqsinix min kien għax qatt ma kont smajt bih. Lanqas b’Sainte Woudru jekk niġu għal dan. Din għadha kemm ġiet irrestawrata, u r-ritratt ħaqqu tbagħbisa biex għat-taparsi ttieħed fin-19 xejn xejn.
Hawn fuq hawn ġnien sabiħ, eżatt maġenb il-kampnar li minn hawn tirrealizza daqsxiex fih. Il-ġnien qiegħed imdawwar b’ħajt fortifikat, u minn hawn tara veduti spettakolari tal-belt kollha:
Dan kollu apparti numru ta’ mużewijiet inkluż wieħed tal-arti moderna u ieħor tal-gwerra, knejjes, dar fejn kien għex għal xi żmien il-kbir Vincent Van Gogh, teatru tal-opri, fdalijiet neolitiċi, u skoss attrazzjonijiet naturali fir-reġjun ta’ madwar il-belt. Naturalment fil-weekends (proprju dak il-ħin li l-aktar se ssib jiġu turisti) il-mużewijiet ikunu kollha magħluqin. X’idea brillanti hu?
Prosit Mons, ħej. Ninsab impressjonat, bis-serjetà. Good luck għall-2015.













Leave a Reply