Is-soluzzjoni għat-traffiku f’Malta

Forsi naqra pretenzjuż u ambizzjuż iżżejjed, nammetti. Imma żgur nistgħu ntejbu s-sitwazzjoni u mhux billi nżidu u nwessgħu t-toroq. Is-soluzzjoni mhix waħda imma ħafna affarijiet f’daqqa li flimkien jistgħu jtaffu l-problemi.

L-ewwel ħaġa. It-traffiku mhux xi fenomenu ta’ Malta biss, għax tisma’ ħafna nies u taqra kummenti donnhom jaħsbu li barra minn Malta għandhom bakketta maġika u kollox jimxi qisu arloġġ Żvizzeru. Tista’ tgħid li f’kull belt fejn hemm popolazzjoni mdaqqsa, u jekk iddawwar nofs ċirku sa 5 kilometri ‘l bogħod mill-Belt Valletta, fil-prattika Malta hija proprju dan, huwa diffiċli ferm biex issuq karozza, u jaqbillek tuża mezzi alternattivi. F’kull belt. Dan huwa l-essenzjal tal-kwistjoni. Jekk tiddejjaq tinqabad fit-traffiku, issuqx. Hija verità krudili imma rridu naċċettawha. Ħadd, ebda ministru superstar li kapaċi jwettaq il-mirakli, jibni u jwessa’ kemm iwessa’ toroq, mhu se jagħmel l-ivvjaġġar bil-karozza xi ħaġa pjaċevoli u sempliċi, sakemm ma mmorrux lura għal kif konna 70 sena ilu jew iktar u ma jkunx hawn iktar minn elf karozza b’kollox.

Allura qed ngħid li għandna nneħħu l-karozzi? U żgur li le. Għal ċerti qadjiet diffiċli tgħaddi mingħajr il-karozza, imma anki dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu jitnaqqsu. Tant aħna vvizzjati u noħduha for granted li nużaw il-karozza li lanqas jgħaddilna minn moħħna li forsi hemm mod ieħor. Għandna bżonn xejn inqas minn bidla kulturali fuq skala nazzjonali, li jista’ jimbuttaha biss il-gvern. Jiġifieri l-ewwel ħaġa li għandha bżonn issir hija li meta wieħed ikollu bżonn jiċċaqlaq, mhux awtomatikament jaqbad iċ-ċwievet tal-karozza, imma jikkunsidra possibiltajiet oħra.

“U żgur, kemm hu faċli tgħidha.” Veru. Trid toffri alternattivi tajbin u fl-istess ħin tagħmilha inqas attraenti li tmur bil-karozza. Din l-aħħar parti se nħalliha għall-aħħar, għalkemm għalija personalment il-fatt li jkolli daqshekk uġigħ ta’ ras biex insib nipparkja ħafna drabi huwa diġà biżżejjed biex nippreferi nuża tal-linja, bid-difetti kollha tagħhom. Imma s’issa, għall-biċċa l-kbira tan-nies il-problema tal-ipparkjar għadha mhix ta’ diżinċentiv biżżejjed. Se ngħid aktar dwar dan aktar ‘il quddiem.

L-alternattivi

Se nibda bl-iktar waħda bażika, li tatna n-natura u li ilna nużaw għall-miljun sena kemm ilna nevolvu.

Dawn għandna bżonn nimlew Malta kollha bihom. Ġeografikament, Malta hija ideali biex timxi. Id-distanzi huma qosra u tasal malajr. Il-ħasra hi li l-pajjiż innifsu, l-ibliet, l-irħula, it-toroq, huma mfasslin biex jaqdu biss lill-karozzi. Ħafna drabi, biex tmur bil-mixi minn raħal għal ieħor tispiċċa tissogra xi daqqa ta’ karozza u tibla’ tunnellata duħħan. Ipprova imxi mill-Pama l-Mosta sas-Smart ta’ Birkirkara, distanza ta’ 2 km b’kollox, jew ikun fejn ikun minn post għal ieħor f’Ħal Lija. Tissogra ħajtek. Nerġa’ ngħid, hemm bżonn ta’ bidla kulturali mill-qiegħ. L-irħula u l-ibliet għandhom jaqdu lin-nies u mhux lill-karozzi. Irid ikun hemm ħafna aktar żoni pedonali. Il-bankini jridu jkunu usa’. Iridu jsiru aktar passaġġi mnejn wieħed jimxi f’partijiet inqas traffikużi, idealment qalb l-għelieqi u fil-kampanja, imma mhux bilfors. Irid jitfassal network ta’ mogħdijiet li jkopri lil Malta kollha li jkun indikat bil-vleġeġ fil-post u li jista’ jitniżżel fuq app. Hija xi ħaġa li jista’ jieħu f’idejh il-ministeru tal-infrastruttura jew tat-trasport jew tat-turiżmu, jaraw huma bejniethom, flimkien mal-bosta għaqdiet Maltin tal-mixi. Forsi tiġi ffurmata xi aġenzija għal dan. Kemm issir aktar attraenti Malta kieku!

Il-mixi nistgħu nikkombinawh mat-trasport pubbliku. Tista’ timxi biċċa, tirkeb tal-linja, u timxi biċċa oħra, qisek qiegħed hitchhiking. Il-fatt li ma jkollokx karozza li trid tmur lura għaliha u li trid issib fejn tħalliha tagħtik ħafna iktar libertà ta’ moviment. Imma għandha problema għax il-karozzi tal-linja mhumiex tajbin biżżejjed.

Il-karozzi tal-linja

L-ikbar problema hi li m’hawnx biżżejjed minnhom. Spiss ikunu imballati bin-nies u ġieli anki jibqgħu għaddejjin għax ma jkollhomx aktar spazju. Mill-esperjenza tiegħi, dan joħloq frustrazzjoni kbira u jaqtagħlek qalbek milli terġa’ tużahom. Nitfagħha kif ġie ġie, imma ovvjament iridu jsiru studji serji, mhux kif ġie ġie, hemm bżonn jiġu mill-inqas irduppjati. Id-domanda għalihom mhix nieqsa, altru li le!

Iridu jkunu organizzati u dixxiplinati aħjar. Ma jistax ikun li rotta skedata f’ħin ma ssirx (għax m’hemm biżżejjed karozzi?).

Għandu jkollhom mnejn jgħaddu! Ngħid għalija ma tantx nagħti kas meta nkun f’tal-linja u din teħel fit-traffiku, speċjalment jekk inkun komdu bilqiegħda. Inkun mehdi naqra jew nilgħab xi logħba fuq it-telefown u bilkemm ninduna li t-traffiku miexi bilmod. Niddejjaq immens iktar kieku nkun qed insuq jien, il-ħin kollu nagħfas il-clutch u l-brejk u moħħni fix-xellug, fil-lemin u warajja ma jmurx ikun hemm xi ħelu jipprova jaqbeż il-kju. Xi stress! Imma mbagħad, ovvjament, dewmien estrem huwa inkonvenjent ċar u indikazzjoni li s-sistema mhix tiffunzjona. Biex tiffunzjona aħjar, irid ikun hemm bus lanes fit-toroq prinċipali kollha. Dawn jaħdmu tajjeb ħafna – kont ingawdi minnhom meta kont immur ix-xogħol fi Brussell. Traffic jam li karozza privata ddum fih nofsiegħa, karozza tal-linja fuq il-bus lane tgħaddi minnu f’ħames minuti. Il-karozzi privati jkollhom biss korsija waħda mnejn jgħaddu? Paċenzja. Jekk ma tixtieqx teħel fit-traffiku uża tal-linja li tgħaddi f’ħin qasir mill-bus lane. Inkella ibqa’ uża l-karozza privata u kompli gerger kontra traffiku li qed toħloq inti stess.

Imbagħad hemm it-tfassil tar-rotot, li kif inhuma bħalissa huma ineffiċjenti ferm, iduru żugraga ‘l hawn u ‘l hemm u jieħdu ħin twil biex iwassluk fid-destinazzjoni. Erbatax-il sena ilu kont ipproponejt sistema ta’ rotot fuq tliet saffi, li jien u nerġa’ naraha issa naħseb għadha valida. Se nerġa’ nispjegaha hawn.

Sitt postijiet mifruxa madwar Malta jkunu termini reġjonali li jaqdu ż-żona ta’ madwarhom. Dawn huma:

  • San Pawl il-Baħar (fit-tpinġija hemm “Kennedy Grove”, imma rrid infisser maġenb Kennedy Grove, jew xi mkien fil-qrib)
  • Pembroke (fit-tpinġija “Luxol”)
  • Il-Belt Valletta
  • Ta’ Qali
  • Bulebel
  • L-ajruport

Bejn dawn it-termini prinċipali jkun hemm rotot superveloċi li jieqfu biss f’postijiet ta’ konnessjoni ma’ rotot superveloċi oħra, xi ħamsa b’kollox f’kull rotta. Il-vjaġġ m’għandux jieħu aktar minn nofsiegħa, anki bis-saħħa tal-bus lanes. Din it-tip ta’ rotta tixbah l-Airport Line li diġà qed tintuża u li d-darbtejn li użajtha s’issa sibtha tassew tajba.

Minn kull terminus reġjonali jitilqu wkoll rotot regolari lejn l-irħula tal-madwar. Dawn jieqfu aktar spiss, xi ftit jew wisq fuq il-bus stops li jintużaw bħalissa. Imma ma joqogħdux iduru ma kull rokna ta’ kull trejqa ta’ kull raħal. Ir-rotot ikunu diretti, bit-tir għal darb’oħra li ma jkunx hemm dewmien, u jwasslu għaċ-ċentru ta’ kull raħal moqdi. Dan ikun it-tieni saff ta’ rotot.

Miċ-ċentru ta’ kull raħal jitlaq it-tielet saff ta’ trasport pubbliku: minibuses li jduru madwar ir-raħal fuq rotta ċirkolari, għal min irid. Min jippreferi: jimxi.

Ir-roti

L-istess bħall-mixi, l-infrastruttura hawn hija mqanżħa, ta’ bilfors u insuffiċjenti. Il-ministru (għax donnu hawn Malta jiddependi kollox minnu) irid ixammar il-kmiem u jqabbad nies esperti biex ifasslu network deċenti ta’ mogħdijiet għar-roti madwar Malta kollha. Irrid nammetti li dan il-mezz ta’ trasport narah l-iktar alternattiva diffiċli, għalkemm naf li hawn ħafna, speċjalment iċ-ċiklisti nfushom, li ma jaqblux miegħi. Ix-xettiċiżmu tiegħi hu dovut għall-fatt li, tant hawn assassini jsuqu l-karozzi li litteralment jobogħdu ċ-ċiklisti, li jien lanqas nazzarda nsuq ir-rota f’Malta. Nammira ferm lil dawk li minkejja l-periklu u n-nuqqas ta’ faċilitajiet jippreferu jużaw ir-rota mill-karozza, u b’hekk ukoll jgħinu biex jonqos it-traffiku.

Laneċ fuq il-baħar

Diġà hawn servizzi bil-lanċa li jaqdu l-Belt, il-Ferries tas-Sliema u l-Birgu. Dawn huma ta’ min jinkuraġġihom, jippubbliċizzahom u jsaħħaħhom kemm bħala frekwenza u anki biż-żieda ta’ aktar postijiet moqdijin minn dawn il-laneċ. Fil-fatt jidher li hemm ippjanat li jiżdiedu Buġibba, San Ġiljan, Marsascala u l-Imġarr, Għawdex, u nispera li dawn ir-rotot bil-baħar ma jdumux ma jibdew jiffunzjonaw u jkunu frekwenti.

Innaqqsu l-bżonn li nivvjaġġaw

Parti mis-soluzzjoni tkun li nnaqqsu n-numru ta’ vjaġġi li jagħmlu n-nies. Din titlob strateġija nazzjonali wiesgħa. Ftit ta’ żmien ilu f’Malta, u mhux biss, il-vjaġġi kienu naqsu kważi għalkollox u l-pajjiż kompla jiffunzjona waqt li x-xogħol baqa’ għaddej ukoll – waqt il-pandemija tal-Covid. Ġejna sfurzati nużaw it-telework, it-telework irnexxa, u la rnexxa waqt il-pandemija m’hemmx raġuni għaliex ma jistax jirnexxi mingħajr il-pandemija. Fejn kont naħdem sa ftit ilu ma’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, it-telework huwa parti integrali mis-sistema tax-xogħol u jiffunzjona tajjeb ħafna, b’kumdità għall-ħaddiema, inqas stress ta’ vvjaġġar fit-traffiku filgħodu u filgħaxija, u anki produttività tajba jekk mhux ukoll aħjar meta wieħed jaħdem mid-dar.

Imbagħad xi ngħidu għall-eluf ta’ vjaġġi kull filgħodu biex inwasslu t-tfal l-iskola minn naħa għall-oħra ta’ Malta, filgħodu u filgħaxija, kuljum? Jiena dan għalija huwa ġenn meta tqis li kull raħal għandu l-iskola tiegħu. Ma tistax iġġiegħel lin-nies jibagħtu ‘l uliedhom fi skejjel qrib djarhom, imma tajjeb li l-pajjiż ikollu politika li tinkoraġġixxi biex dan isir, inkluż naturalment billi jipprovdi skejjel pubbliċi tal-aqwa kwalità u wkoll billi jindirizza u jikkumbatti l-istigma ġenerali li għadha teżisti fil-konfront tal-iskejjel tal-gvern.

Inċentivi

L-iskema biex tingħata somma flus lin-nies biex jirtiraw il-liċenzja tas-sewqan ma naħsibx li se tirnexxi. Min dara jsuq, kultant se jiġi bżonn juża l-karozza anki jekk jiddeċiedi li kemm jista’ jkun jibda jħalliha d-dar. Li rridu nagħmlu huwa nnaqqsu, u mhux neliminaw, l-użu tal-karozzi u dan jista’ jsir biss jekk nikkonvinċu lin-nies li mhux vallapena tmur bil-karozza. Dan billi:

  • nipprovdu alternattivi effiċjenti u komdi, kif spjegajt aktar ‘il fuq, u
  • m’hemmx x’tagħmel, iddur kemm iddur dejjem il-flus jikkmandaw.

Mhux sew li min ma jużax karozza privata qed iħallas bit-taxxi għal sussidji biex iżommu l-prezzijiet tal-fjuwil artifiċjalment baxxi. Dawn is-sussidji għandhom jispiċċaw, u min jixtri l-fjuwil għandu jkun hu li jħallas il-prezz reali għalih. Il-flus iffrankati jekk jitneħħew is-sussidji għall-fjuwil għandhom imorru biex iħallsu inċentivi biex min jimpjega jħaddem bit-telework, u biex is-servizzi tal-laneċ ikunu rħas jew b’xejn, kif inhuma tal-linja.

Iddur kemm iddur, ma jistax ikun nibqgħu nippretendu li nipparkjaw il-karozza b’xejn. Imkien ma ssibha din fi bliet iffullati. Ir-riżorsa, li hija l-postijiet biex tipparkja, hija skarsa u la hija skarsa trid tħallas għaliha. Jekk dak li jkun se jmur il-Belt jista’ jmur komdu bilqiegħda ġo karozza tal-linja li tasal f’ħin raġonevoli u li ma tiswieh xejn, jibda jippreferi hekk milli joqgħod jissara mat-traffiku, jaħli aktar ħin ifittex fejn jipparkja u jispiċċa jkollu jħallas ukoll.


Naturalment, biex dan iseħħ irid ikun hemm ir-rieda li dan iseħħ. Inkella nistgħu, minflok, inkomplu noħolqu t-traffiku, neħlu fih, u ngergru.


P.S. Ninnota li lanqas biss għaddewli minn rasi la l-metro u lanqas it-trammijiet. M’għandniex bżonnhom. Lanqas ħaqq l-ispiża enormi u l-iskariġġ inġenerali għal kulħadd.


Comments

One response to “Is-soluzzjoni għat-traffiku f’Malta”

  1. Maggie borg avatar
    Maggie borg

    Prosit very interesting and I hope the right people read it and it doesn’t fall on deaf ears!

Leave a Reply


Subscribe

Subscribe to get my latest stories in your inbox.

Discover more from Gallarija

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading