Milli qed nisma’ u naqra, u anki milli rnexxieli nifhem mill-mappa komplikata u fl-istess ħin mingħajr biżżejjed informazzjoni li poġġew fuq il-websajt tagħhom, ir-rotot il-ġodda huma l-ikbar diżappunt tal-miġja tal-Arriva. Ħa nibda mill-ewwel tgergira. Il-mappa tar-rotot ma tinftiehem ftit li xejn. Ħafna linji jduru ‘l hawn u ‘l hinn, mingħajr ma tista’ tgħid jekk linja hix għaddejja minn triq jew minn oħra.
Agħar minn hekk, l-istess, milli smajt, hu li anki meta eventwalment isibu biżżejjed xufiera u l-karozzi jibdew jgħaddu spissi u fil-ħin, biex tagħmel vjaġġ li bil-karozza normalment jieħu kwarta tispiċċa ddum xi siegħa u nofs, tant ix-xarabank tgħaddi u tieqaf f’postijiet u rħula differenti. U jekk hu dan il-każ, din hija problema kbira, għax ġejna kif jgħidu ċikku briku. Aħna ridna sistema ġdida mhux biss għall-indafa u l-edukazzjoni tax-xufiera, imma l-aktar għall-effiċjenza.
Minn ħaġa waħda ċert jien. Jekk bit-trasport pubbliku vjaġġ se jibda jdum kważi nofs ta’ nhar, ħadd mhu se jużah, anzi min qabel kien juża tal-linja se jibda juża l-karozza privata!
Għalhekk, b’sens ta’ dover ċiviku, u anki biex meta nkun Malta jkolli disponibbli trasport pubbliku effiċjenti, qed nipproponi hawn skeda ħafna inqas komplikata minn dik li ddaħħlet, u li fl-istess ħin twasslek minn post għal ieħor f’Malta f’ħin raġonevoli.
L-iskeda hija din li pinġejt hawn:
Is-sistema hi bbażata fuq sitt lokalitajiet prinċipali li jservu ta’ ċentri reġjonali. Dawn huma: Kennedy Grove għat-tramuntana, Ta’ Qali għaċ-ċentru u l-punent, l-ajruport jaqdi n-nofsinhar ta’ Malta, għan-naħa tal-lvant hemm Bulebel, u għal raġunijiet ovvji hemm il-Belt Valletta u l-Luxol.
Kull terminus jaqdi r-reġjun ta’ madwaru kif ukoll il-ħames termini prinċipali l-oħra. Din importanti ħafna, li biex minn pereżempju l-ajruport tasal sa San Pawl il-Baħar ma tridx iddur nofs Malta, imma linja veloċi, l-iqsar triq possibbli, li tieqaf biss f’punti strateġiċi, ħamsa b’kollox fil-vjaġġ kollu. L-istess il-konnessjonijiet bejn it-termini prinċipali l-oħra. Il-prinċipju hu li l-itwal vjaġġ li jista’ jkollok hu minn fejn toqgħod sat-terminus taż-żona tiegħek, sat-terminus taż-żona fejn sejjer, u wara sal-indirizz tad-destinazzjoni. Il-parti t-twila tal-vjaġġ tkun l-inqas li ddum, għax bejn iċ-ċentri prinċipali l-vjaġġi jkunu ‘express’, b’waqfiet f’punti strateġiċi biss.
L-idea hi li minn punt strateġiku f’kull lokalità f’Malta tista’ tasal malajr f’lokalità oħra, mingħajr ħafna waqfien f’kull bus stop. Hekk, allura, pereżempju minn Bulebel ikun hemm linja (li fl-iskeda tiegħi ma tidhirx), li tmur Ħaż-Żabbar (u tieqaf f’post wieħed biss hemm) u Marsaskala. Linja oħra tmur Bir id-Deheb sal-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa u tibqa’ sejra sa Marsaxlokk. Eċċetera. F’kull lokalità, imbagħad, ikun hemm karozzi iżgħar li jagħmlu rondi biex jaqdu l-bżonnijiet lokali, speċi bħal mini-buses imma forsi naqra ikbar, u jwasslu lir-residenti tal-lokalità lejn il-punt strateġiku mnejn jgħaddu l-linji diretti li jaslu malajr. Huwa ċar f’dal-każ li dawn ir-rondi jridu jinvolvu ruħhom il-kunsilli lokali, li huma l-aktar intiżi mill-bżonnijiet tal-lokalitajiet tagħhom.
Hemm hi. Jien din naraha tkun vera komda kieku sistema hekk. Noffriha b’xejn, il-ħlas għalija jkun li nsib sistema effiċjenti meta nkun Malta.
Ovvjament dan kollu ħela ta’ ħin għax minnu żgur mhu se jsir xejn.

Leave a Reply