Kif igerbeb iż-żmien hu? Qisu kien il-bieraħ meta kont l-università. L-ewwel parti tat-tmeninijiet… tletin sena ilu! Meta bdejt l-università kien TLETIN SENA ILU! Inkredibbli. Ilu dak iż-żmien kollu, u niftakru qisu l-bieraħ…
Tletin sena mhux ċajta ta. Tista’ taħseb, meta twelidt jien il-konvoj ta’ Santa Marija, dak li naraw fuq ritratti griżi dieħel fil-Port il-Kbir isalva lil Malta mill-mewt bil-ġuħ fl-eqqel tat-tieni gwerra dinjija, kien ilu biss GĦOXRIN sena!
Ħa naraha mod ieħor. Insa meta twelidt, għax hekk jew hekk ma niftakrux dak iż-żmien. Ħa mmur 1970, sena li niftakar tajjeb. Dik is-sena għalaqt 8 snin, u kienet l-ewwel darba naħseb li rajt logħba futbol fuq it-television – il-final tat-tazza tad-dinja bejn l-Italja u l-Brażil, dik il-famuża logħba meta Pelè nqata’ mill-art u skorja bir-ras lil Albertosi. Dak kien 28 sena wara l-konvoj ta’ Santa Marija li semmejt l-ewwel. Tmur lura 28 sena minn issa jiġi… 1983. Is-sena ta’ Tainted Love tas-Soft Cell u Don’t You Want Me tal-Human League. Qisu l-bieraħ. Daqshekk kienet friska l-memorja tal-gwerra waqt it-tazza tad-dinja tan-1970!
Imma l-bieraħ (il-bieraħ ta’ veru issa) kont qed naħseb. Mhux veru, iż-żmien la jitgerbeb u lanqas ma jtir. Iż-żmien dejjem bl-istess ritmu jgħaddi. Li qed jiġri hu li biż-żmien il-memorji u l-esperjenzi jakkumulaw. Dak bilfors. Imma barra minn hekk, minflok ma jittappnu u jisparixxu, bħal ma jiġri meta titbiegħed fid-distanza minn xi ħaġa, il-memorji l-aktar sinifikattivi f’ħajjitna jibqgħu ċari daqs il-kristall, appuntu, qishom ġraw il-bieraħ. Imbagħad niskantaw meta nindunaw li dak li niftakruh tajjeb daqs li kien il-bieraħ fil-fatt ilu li għadda tletin sena.
Infatti, rari tisma’ lil xi ħadd żgħażugħ jgħidlek kif qed igerbeb iż-żmien. Jgħidulek hekk biss jekk ikun qed joqrob xi eżami, mhux fil-kuntest tal-passat, għax għalihom il-passat fuq il-kotba tal-istorja qiegħed, ma esperjenzawhx u allura ma jiftakruhx ‘qisu l-bieraħ’.
Min bħali issa qabeż ċerta età jiftakar fis-snin imgħoddija meta kollha kemm aħna konna iżgħar. Taqbadna nostalġija għal dawk iż-żminijiet, li jidhru kienu isbaħ, imma jien naħseb hija biss ix-xewqa għal żgħożija mill-ġdid. M’għandi ebda dubju li l-kwalità tal-ħajja issa hija ħafna aħjar. Immaġina biss kif tħossok pereżempju meta jkollok il-kompjuter bil-ħsara… Ovvja, mil-lat ta’ saħħa, kapaċità fiżika, u għal uħud minna d-dehra konna ħafna aħjar. Imma, għal ħafna minna, l-għaqal u s-saġġezza hija ħafna aħjar issa milli meta kien mingħalina nafu kollox. Issa konxji ta’ kemm fil-fatt nafu ftit, u kemm l-affarijiet rari jekk qatt ikunu iswed jew abjad, imma sfumaturi differenti ta’ griż u kuluri differenti.
Għamilt ħabta, ftit żmien ilu, kienet taqbadni dieqa meta nkun f’burdata nostalġika. Naħseb fis-sena, 2011, u nixxokkja ruħi, jien li trabbejt naf is-snin jibdew bin-numru 19. Imma rrealizzajt li l-fatt li wasalt sa hawnhekk, daqshekk ‘il quddiem fiż-żmien (u nispera li nwassal ħafna iktar minn hekk!), tfisser li għaddejt minn għadd kbir ta’ esperjenzi. U l-fatt li niftakarhom ‘qishom il-bieraħ’ tfisser li għandi x-xorti qed ingawdi l-memorja tagħhom ukoll.
L-imgħoddi għadda. Hija stampa immensament imżewqa li pproduċiet dak li hawn issa. Imma jeżisti biss dan li hawn issa u dak li għad irid jiġi.
Napprezzaw dak li għandna bħalissa, u dak li għad jista’ jiġi. Il-lejl it-tajjeb ħbieb.
Leave a Reply