X’tiġi addiction bil-Malti? Il-moda daħlet li taqbad u tispelliha kif tinħass bil-Malti. Addikxin. Ħlief li hemm min jgħidlek… “le, dik mhix addikxin, imma eddikxin”. L-istess problema tinqala’ b’ħafna kliem li nikkupjaw mill-Ingliż. Il-problema qiegħda fil-fatt li l-ħoss tal-Ingliż u l-Malti huma fundamentalment differenti, u l-alfabett tal-Malti jkollu jiġġebbed biex jakkomoda l-ħoss ta’ ċertu kliem li ġej mill-Ingliż.
L-istess problema ta’ addikxin jew eddikxin niltaqgħu magħha biex nispellu maniġer/meniġer, faks/feks, sandwiċċ jew sendwiċċ, eċċetra. Imbagħad hemm dik l-aberrazzjoni li ma nista’ nniżżilha b’xejn: televixin. Jaqq! Sori, imma l-ittra xe bil-Malti ħoss wieħed biss għandha, l-istess ħoss bħal f’xemx, mhux, rixa, mixi. Mela kif se niktbu l-verżjoni bil-Malti ta’ Beijing, biex nevitaw l-aberrazzjoni oħra ta’ Bejxing?
Jien naħseb hemm bżonn nintroduċu xi ittri ġodda għal dawn il-ħsejjes fl-alfabett Malti. U kif inkunu fiż-żifna nneħħu dik ir-ridikolaġni żejda tat-tikka fuq iċ-ċe. Imma llum mhux fuq hekk irrid nikteb. Kieku għax-‘x’ ratba ta’ televixin, l-istess bħalma ż-żeta ratba nagħtuha tikka, l-istess għandha bżonn ix-‘x’ ta’ televixin. Veru li tinħoloq problema oħra għax ikollhom jiġu aġġornati t-tastieri bil-Malti tal-kompjuter, imma wara perjodu ta’ tranżizzjoni ma narax li għandha tkun problema (fil-każ nużaw il-buttuna li bħalissa nużaw għaċ-ċe bit-tikka, li kif inkunu fiż-żifna nabolixxuha…).
Ma jiġunix f’moħħi kliem li daħal fil-Malti mill-Ingliż li għandhom l-ittri ‘th’. Fil-fatt, ma ngħidx li hawnhekk kieku jkollna bżonn xi ittra ġdida biex tirrendi dal-ħoss. Anki meta nitkellmu bl-Ingliż, aħna l-Maltin minflok “clean your teeth” ngħidu “clean your teat”, u minflok “third” ngħidu “turd”, voldieri nista’ nobsor li kliem li jidħol fil-Malti mill-Ingliż bl-ittri ‘th’, awtomatikament bil-Malti se jsiru ‘t’ jew ‘d’.
Jifdal is-sandwiċċ u l-addikxin. Il-ħoss tal-‘a’ f’sandwich u manager fil-fatt jiġi xi mkien bejn ‘maniġer’ u ‘meniġer’. U kif se nirrenduh dal-ħoss? L-unika possibiltà li nara hu li npoġġu xi marka fuq l-ittra ‘a’, pereżempju ‘å’. Måniġer, såndwiċċ, fåks u åddikxin. Ridikola? Stramba? Kollox jindara. It-tikek u l-qtugħ tal-irjus drajnihom, huma parti mil-lingwa, u niħduhom for granted (u ma niftħux kotba fuq kif nispellu forgrantit…!). Żgur tagħmel aktar sens mit-tikka assolutament bla bżonn fuq iċ-ċ, li qed telimina mill-alfabett Malti waħda mill-aktar ittri ta’ użu komuni internazzjonali, l-ittra ‘c’.
Mela allura, il-proposta tiegħi ddeċidejt li nadottaha. Åddikxin. Jew hemm xi kelma oħra diġà bil-Malti għal ‘addiction’? Dipendenza? Dipendenza fuq id-drogi. Dipendenza fuq it-tabakk, fuq l-alkoħol. Ħmm. “Kemm hi åddiktiv dik il-logħba!” Kif se ngħidha din? “X’dipendenza għandi minn dil-logħba!” Mhux tajba hu? Jien niddependi mil-logħba Bejewelled Blitz? Jew åddiktid għal-logħba Bejewelled Blitz?
[Parentesi: għażiż boss, jekk tinzerta qed taqra dal-blogg, tinkwetax. Fuq ix-xogħol m’għandi ebda intenzjoni nadotta xi waħda minn dawn l-ereżijiet, tibżax 🙂 Parentesi magħluqa.]
U ġejna, naqra naqra, għal dak li ridt ngħid proprja llejla. Iva ħija. Bħal ma hawn min għandu l-vizzju tat-tipjip, tax-xorb, tad-drogi, jien għandi l-åddikxin tiegħi – il-Bejewelled Blitz fuq il-Facebook. Naqbad nilgħabha u ma nkunx nista’ nieqaf. Ikolli mument m’għandix x’nagħmel, u nibda nilgħabha. Ikolli x’nagħmel, u wkoll nilgħabha. Qed inqerr magħkom hawnhekk, għeżież żewġ qarrejja. Jixxuttaw għajnejja niċċassa lejn il-moniter.
X’ħela ta’ ħin jaħasra! Ebda ġid ta’ xejn ma joħroġ minnha dil-fissazzjoni. Ħmm, possibiltà oħra din, fissazzjoni, minflok åddikxin. Mamma mija, minn kollox għamlu biex iżommuk imkaħħal magħha. Iġibu l-klassifika bil-punti ta’ ħbiebek biex toqgħod tippika magħhom. Darba fil-ġimgħa jerġa’ jibda kulħadd miż-żero, biex jagħtik ċans ieħor titla’ l-ewwel. Wara minuta biss, hekk kif tkun dħalt f’ritmu tajjeb, il-logħba tieqaf ħesrem, u allura tkun trid tilgħab oħra tal-aħħar biex tmur aħjar. U wara tispiċċa tilgħab oħra… Issa ddeċidejt li ma nilgħabhiex aktar. Minflok, meta ma jkollix x’nagħmel, niġi nħarbex xi ħaġa hawnhekk. Joħroġ aktar ġid nispera.
Avolja, “hemm x’qed tikteb marelli għid?” u “jien ma naqrahomx għax idejquni” smajthom ukoll. Paċenzja. Lanqas Xejkspjer ma għoġob lil kulħadd, aħseb u wara kemm nista’ jien.
Jiġifieri, għeżież ħbieb, jekk xi darba taqbduni erġajt waqajt fil-vizzju u taraw ismi fil-klassifika tal-Bejewelled wara nhar it-Tlieta li ġejjin – meta l-punti ta’ kulħadd jerġgħu jibdew miż-żero – għiduli: imissek tistħi, m’għandek wilpawer ta’ xejn!
Leave a Reply