Fi Standard 4 tal-Primarja ta’ Raħal Ġdid, qed ngħidu l-bidu tas-70ijiet, dik is-sena li Malta qalbet għall-flus deċimali, inzertajt tlajt fil-klassi taz-Ziju Ġużi. Ħu missieri.
Niftakarhom pjuttost tajjeb il-preparamenti dawk iż-żminijiet li konna se naqilbu l-munita. Mil-lira sterlina Ingliża konna se nibdew nużaw il-lira Maltija. Aktar minn hekk, konna se naqilbu mis-soldi u x-xelini – 12-il sold jagħmlu xelin u għoxrin xelin jagħmlu lira – għall-milleżmi u ċ-ċenteżmi.
Niftakar tajjeb ukoll il-muniti. Is-sitt ħabbiet – li jsarrfu għal nofs sold – kienu saru rari għax il-prezzijiet kienu għolew biżżejjed biex il-ħabbiet kważi nqatgħu, tant li infatti ma kontx tara ħabba fiċ-ċirkulazzjoni. Is-sold (1 d.) kien fil-prattika l-iżgħar unità u kellu munita għalih, kannella skur. Ma kienx hemm munita ta’ żewġ soldi. Insemmi ż-żewġ soldi għax, interessanti, għal xi raġuni fl-inħawi ta’ Raħal Ġdid, il-Fgura u l-Kottonera ma konniex ngħidu żewġ soldi imma ġixx soldi, anzi preċiżament “ġissoldi”. Sabiħa ferm kienet il-munita tat-tliet soldi, kannella ċar, iżgħar mis-sold u forma ta’ skorfina. Is-sitt soldi – tkompli tiċkien u taqleb għal kulur il-fidda – assolutament qatt ma konna ngħidulha sitt soldi imma mfarrka mill-Ingliż: sikspenz. Tkompli tiela’: ix-xelin (1 s.), il-“ġixxelini” (2 s.), u l-favorita tiegħi, il-munita tal-ogħla valur qabel naqilbu għall-karti, it-tmintax irbiegħi (2 s. 6 d.). Isem ibbażat fuq sistema aktar antika li għal raġuni stramba kien l-uniku wieħed li baqa’ jintuża minn dik is-sistema. Bl-Ingliż “half crown”, li jimplika li “one crown” jiswa 5 xelini, imma dan l-isem ma kienx jintuża. Il-half crown biss, bil-Malti tmintax irbiegħi u valur ta’ 2 s. 6 d.

Min-nofs lira ‘l fuq konna nużaw karti. Nofs lira (tiswa 10 xelini), il-lira (20 xelin), 5 liri (imlaqqma “fiver”). Tenner u valur ogħla kienu rari ħafna.
Fl-iskola, dawn konna naħdmu s-somom bihom. Pereżempju, ikollok timmultiplika 5 s. 8 d. b’sebgħa. Tinsiex, 12-il sold jagħmlu xelin u 20 xelin jagħmlu lira. U dak mhu xejn. Tal-grocer (dak iż-żmien is-supermarket kien biss xi ħaġa tal-films) irid jaħdem il-kont mingħajr lanqas calculator, bil-lapes fuq biċċa karta. U ħaġa tal-għaġeb, wieħed wara l-ieħor iġibhom dejjem tajbin.
Id-data tal-qlib għad-deċimali kienet is-16 ta’ Mejju, 1972. Għadni sal-lum, 46 sena wara, id-data tas-16 ta’ Mejju tfakkarni f’meta qlibna għad-deċimali. Lira Maltija maqsuma f’mitt ċenteżmu, li kull wieħed minnhom jiswa 10 milleżmi. Kienu ħelwin wisq il-mils, tal-aluminju bil-pizzi, ikkupjati mil-Libja ta’ Gaddafi. Ir-role model tagħna ta’ dak iż-żmien…
Ovvjament, kienu kbar id-diffikultajiet li sabu n-nies biex jadattaw ruħhom anki għal sistema ħafna aktar sempliċi minn ta’ qabel. Min-naħa l-oħra, għalina t-tfal tal-iskola, fil-klassi taz-Ziju Ġużi, kien rigal mis-sema.
Ftakart f’dan kollu ftit tal-ġranet ilu meta jien u Sue morna nippassiġġaw sal-bini muniċipali ta’ Hemiksem, il-Belġju.

Fil-ġenb in-naħa ta’ wara kien hemm mużew li tidħol għalih b’xejn. Inzerta kien jum il-Ħadd iddedikat apposta għal dan.

Ma konniex nafu x’deħlin naraw, u tista’ timmaġina x’sorpriża meta l-ewwel kamra li dħalna fiha kienet prattikament il-kamra tal-klassi taz-Ziju Ġużi!

Posti kien ikun il-bank ta’ quddiem fil-filliera tax-xellug. Fuq ix-xellug tiegħi Victor Camilleri. Tgħidx kemm kien bravu Victor…

Il-kanal għal-lapsijiet imħaffer fuq quddiem tal-mejda kien magħqud f’wieħed minn tarf għall-ieħor tal-bank. Ħafna mit-tfal (konna kollha subien, ovvjament, il-bniet skola oħra li ma jmurx nitħalltu) konna norganizzaw tournaments fuq dawn il-kanali. Nimmarkaw spazju f’kull tarf tal-kanal li jkun il-“lasta”, xi ħames ċentimetri tul kull naħa. Ikollna crayon u b’subgħajna nixxuttjaw il-crayon li jitkaxkar fix-xaqq lejn in-naħa l-oħra. Jekk il-crayon jiġi kollu ‘l ġewwa mil-linja tal-lasta jkun gowl. Nispera li jaħfirhielna din it-trasgressjoni s-Sir, iz-Ziju Ġużi. Imma naħseb kien jaf u ħallieha għaddejja.
Sa anki basktijiet tal-ġilda poġġew fl-esibizzjoni! Erġajt sirt tifel daqs kemm fraħt inġedded il-memorji.

Tant rajna oġġetti minn żmien tfulitna. Gomom, temprini, linka Quink għall-fountain pen, set squares, protractor, kumpass, ir-riga t-twila tat-technical drawing. Imbagħad fi kmamar oħra kien hemm oġġetti minn oqsma oħra tal-ħajja. Radjijiet daqs dinja, immarkati bl-ismijiet tal-ibliet minn madwar id-dinja li jindikaw il-frekwenza tat-trażmissjoni short wave minn dawk l-ibliet. Settijiet oħra qishom tar-Rediffusion. Typewriters. Magni tal-ħjata bħal dik li kienet tuża ommi, imħaddma bil-pedala taħt il-mejda.

IL-KAMERA TAL-FAMILJA! Waħda eżatta bħal dawn ġibdet l-ewwel ritratt tiegħi tarbija.

Ġbidt l-ewwel ritratti li ħadt jien f’Katanja u fil-muntanji ta’ Sila, Kalabrija, fl-1980. Aperture, speed, focus… imbagħad ingerbeb il-film b’attenzjoni meta jispiċċa, fid-dlam biex ma nħassarx ir-ritratti kollha. Lura Malta nieħu l-film il-ħanut ta’ ħu Pullu Axisa ta’ ħdejna biex jiżviluppali r-ritratti. Nistenna l-ġranet u nispera li joħorġu tajbin. Xi 20 cents ‘il wieħed, 24 ritratt jiswew qrib il-ħames liri (12-il ewro, dak iż-żmien somma enormi) u m’għandekx garanzija li se joħorġu tajbin.

IL-MECCANO!
U toys oħra bħal Lego jew Betta Bilda. Injam ikkulurit f’forom differenti. Mudelli tal-ajruplani jew tal-ferrovija jaħdmu bil-batteriji. Ah, x’memorji.

Tal-għaġeb kif inbidlet il-ħajja fi spazju ta’ nofs għomor ta’ bniedem. Tfulitna diġà saret mużew, u wieħed mill-isbaħ mużewijiet li qatt mort.
Hemiksem, fejn jinsab il-mużew, qiegħed ftit kilometri biss ‘il bogħod minn Antwerp.
Leave a Reply