Ġimgħa ilu kont Malta. Mort għal raġunijiet ta’ ċelebrazzjoni tal-familja, u spiċċa weekend verament pjaċevoli.
Pjaċevoli, għax stajt napprezza lil Malta kif japprezzawha dawk li jmorru għal vaganza. Temp xemxi u sħun, baħar kalm, nadif, assolutament perfett. Mort fil-bajja favorita tiegħi, Xrobb l-Għaġin. Tliet pastizzi fl-eqqel tal-ġennijiet ta’ San Ġwann is-Sibt filgħodu. ‘English breakfast’ għand Peppi quddiem il-bajja tal-Exiles il-Ħadd filgħodu. Iltqajt ma’ ħbieb antiki li kont u għadni nħobb niġri magħhom f’Malta.
Gawdejt is-silenzju tal-Imdina filgħaxija.
Is-silenzju… Il-festi spiċċaw, u magħhom il-bombi. Kemm tkun sabiħa Malta bla tfaqqigħ ta’ bombi, x’differenza!
Ma ridtx nitla’ mill-ilma l-aħħar darba li nżilt ngħum il-Ħadd filgħodu. Kont naf li kienet se tkun l-aħħar darba li qed ngħum fil-baħar għal numru ta’ xhur mill-inqas.
L-aħħar darba…
L-aħħar darba li rajt id-dar fejn għext għal tant snin, li issa se jkollna nbigħuha peress li ġejna ngħixu fil-Belġju. Iddispjaċieni. Minn issa diġà hija memorja, għax la nerġgħu mmorru Malta d-dar ma tkunx għadha tagħna. Ġimgħa ilu kull ma fadal fiha kien biex tagħmel kafè, sodda, u xi ftit għamara, imma ħafna minnha żvujtata, bilkemm qisha l-istess. Kont nistembaħ u noħroġ ‘il barra, u forsi għalhekk did-darba stajt ingawdi lil Malta qisni turist.
Qgħadt noqgħod naħseb – din l-aħħar darba li qed indaħħal il-karozza fil-garaxx, l-aħħar darba li qed norqod hawn, l-aħħar darba li qed niftaħ il-grada tad-drive-in… Torbot qalbek ma’ dar, mhux mad-dar fiha nfisha, imma ma’ kull ma tassoċja magħha. Fid-dar tas-Swieqi għixt parti sostanzjali u importanti minn ħajti. Tant ferħ, diżappunti, problemi, suċċessi, ġrajjiet importanti, kollha għexnihom hawn.
Il-ġirja mid-dar sal-mina ta’ Paceville, lejn Spinola u mal-kosta sa Tignè u lura, ġrejtha mijiet ta’ drabi. Il-ġirja sal-istess mina, u wara ‘l fuq lejn St Andrew’s imbagħad għal ġewwa Pembroke, żewġ dawriet hemmhekk u lura lejn id-dar. Daqshekk ġrejtha din ukoll.
Tlett ijiem sbieħ qattajt f’Malta. Fl-ajruplan li ġejt lura bih kont ħdejn it-tieqa, u qgħadt inħares ‘l isfel minnha. Kollox qoxqox, is-sajf għadu jikwi, l-attività max-xtajta għadha fl-aqwa tagħha, wiċċ il-baħar blu jixgħel miżgħud bid-dgħajjes bir-rima warajhom. Bqajt b’imnieħri mat-tieqa sakemm qbiżna l-fliegu b’Kemmuna f’nofsu, bil-bajjiet ta’ Santa Marija u l-Blue Lagoon ċarissimi taħti. Minn Għawdex għaraft il-bajja ta’ San Blas, ir-Ramla l-Ħamra, … imbagħad daqshekk. Baħar biss. Ftit sekondi wara beda jitfaċċa l-ewwel sħab.
Inżilna l-Belġju. Griż u bix-xita. Mamma mija x’pajjiż! Fih is-sabiħ tiegħu wkoll, imma żgur ma tistax tgħid li huma x-xemx u t-temp sħun.
Saħħa, Malta, għad-darba li jmiss!

Leave a Reply