Is-Sinjur iħobb jgħid li jien ma naħsibx, imma sadattant xorta jkellimni. Kultant anki jibda jiffilosofizza miegħi. Jien nisma’, nixtarr u ma nikkummentax. Mingħalih li ma nifhmux, imma kollox naf xi jkun għaddej.
Ġieli jdur fuqi waqt xi taħdita mas-Sinjura, “Inti x’taħseb, Suzy?” U jirrispondi lilu nnifsu, “Suzy ma taħsibx!”, imbagħad imellisli rasi bejn widnejja u jkompli jgħid, “Fejn suppost hawn moħħha, m’hawn xejn. Vojt. Arja.” Ħallih jgħid! Xorta tiegħi tgħaddi meta jkolli bżonn.
Jien hawn għaddejja ħajja xxamplata ma ngħidlekx kemm. Ħlief għall-ikel. L-ikel frustrazzjoni kuljum. Dejjem l-istess, ikolli nitqanna bi “croquettes” filgħodu, li qishom żrar imnixxef togħma ta’ laħam, f’nofsinhar ftit qlub tat-tiġieġ mgħollija, u filgħaxija nofs landa lanċimmit. Sadattant, is-Sinjuri, kull filgħaxija riħa tfuħ ta’ tisjir imħawwar taqsamli qalbi. Jiena mmur fil-kċina kieku, imma għalxejn.
“Ersaq, Suzy. Toqgħodx hawn, ersaq!” u nibqa’ b’xejn.
Ipoġġu bilqiegħda ħdejn il-mejda jieklu u lili jwaddbuli biex niekol… karotta! Imma s-Sinjura dejjem jirnexxieli ndabbar xi ħaġa mingħandha. Inpoġġi bilqiegħda mal-art ħdejha u nħares fiss lejha waqt li qed tiekol, b’espressjoni li kemm jista’ jkun tqanqal il-ħniena. Il-loqma “bonus” dejjem tasal. Nerġa’ nipprova għal oħra, imma mbagħad turini l-pali ta’ jdejha u tgħidli, “Finished!”

Is-Sinjur qtajt qalbi li forsi noħodlu tgerrima. Lanqas għadni nipprova. Jgħaddas rasu jiekol u addio kollox.
L-attività normali tiegħi tal-ġurnata tikkonsisti filli noqgħod mimduda ma nagħmel xejn. Fuq it-tapit tiegħi, fuq sufan jew pultruna, inkella noħroġ nixxemmex fit-terrazzin ta’ quddiem il-ġnien.

Il-paċi u s-sliem jinkiser biss jekk nilmaħ xi invażur fil-ġnien, xi crow* jew qattus. F’daqqa waħda s-silenzju jinbidel f’baraxx ta’ nbigħ u ggranfar mal-bieb tal-ġnien, bis-Sinjuri jgħajtu huma wkoll: “Ajma x’qatgħa tajtni! Stop! Stop!” Imbagħad jiftħuli l-bieb u noħroġ bħal vleġġa fil-ġnien ninbaħ biex inkeċċi l-invażur, imma diġà jkunu laħaq ħarab.
* [Nota editorjali: Suzy insistiet li tuża l-kelma “crow” u mhux “ċawla”, għax hekk imdorrija tismagħna ngħiduha.]
L-istess kakofonija tqum meta jgħaddi jippassiġġa minn quddiem id-dar xi wieħed mill-klieb antipatiċi li hawn jgħixu r-raħal. Nerġgħu, “Ajma x’qatgħa tajtni!”, jiftħuli l-bieb ta’ wara u nisprintja lejn il-ġnien u lejn waħda minn żewġ gradi li hemm, waħda fuq kull naħa tad-dar, ninbaħ il-ħin kollu. Meta l-kelb l-antipatku u s-Sinjura tiegħu joqorbu lejn il-grada l-oħra, indur lura biex niġri t-tul kollu tal-ġnien u nkompli nesprimi l-għadab tiegħi lejhom sakemm idabbru rashom ‘l hemm.
Ċerti klieb vera bhejjem. Ma niflaħhomx!
Imma mhux kollha. Kultant nisma’ jsejjaħli barra l-grada: “Qaw, qaw! Qaw!” kelb żgħir abjad xagħru twil, gustuż, u jiena mmur min-naħa l-oħra tal-grada nsellimlu. Is-Sinjuri laqqmuh Bobby, imma fil-fatt jismu Twix. Immissu mneħirna ma’ xulxin, niġru tnejn, tlieta ‘l quddiem u lura, jien nidħol lura ‘l ġewwa u Twix ikompli jħuf matul it-triq. S’hemm qatt wasalna.
Il-mument li ngħix għalih jiġi darbtejn jew tliet darbiet kuljum. Meta nistenbaħ, minnufih nimtedd biex nibda l-attività normali tiegħi tal-ġurnata. Is-Sinjura tifrixli l-croquettes, nikolhom, nixrob boqqa ilma u nerġa’ nimtedd, nistenna sakemm jitfaċċa s-Sinjur. “L-għodwa t-tajba, Suzy!”, u jibda jċekċek u jtektek ‘l hawn u ‘l hemm, imbagħad jerġa’ ‘l hemm u jkompli ‘l hawn, sakemm fl-aħħar – fl-aħħar! – imur fir-rokna fejn hemm iż-żraben, u jien inwaqqaf widnejja u nibda nitmattar.
Jgħidli, “Immorru? Trid immorru? Ejja mmorru!” Jien ittini ferneżija. Nibda nferfer denbi, nipprova nilgħaqlu jdejh, nitla’ miegħu, indur ma’ saqajh, nimxi ‘l hawn u ‘l hemm fil-kamra. Inkunu se nibdew il-passiġġata barra fit-triq. Kemm inħobbha! Lis-Sinjura noqgħod ninkiha. Meta tiġi biex tlibbisli l-kullar jien nitlaq in-naħa l-oħra tal-kamra, immur fil-kamra tas-sodda, nidħol taħt il-mejda, imma fl-aħħar inħalliha tlibbishuli. Mas-Sinjur aktar straightforward. “Ejja mmorru!”, kullar, ċinga, iftaħ il-bieb u tlaqna.

Kemm nieħu pjaċir inxammem il-bankina, il-pjanti, il-hedges, il-kantunieri, boroż u kaxex. Spettaklu ta’ rwejjaħ. Ħafna bnadi jkunu ġew immarkati minn xi kelb ieħor. Jien naturalment nieħu ħsieb inħalli l-marka aħħarija tiegħi, tgħatti kollox. Lis-Sinjuri ġieli smajthom iħabblu rashom, “Imma kif qatt ma jiżvojtalha t-tank?” Is-sigriet hu li nikkalkula d-distanza li nimxu s-soltu u nqassam kemm hemm bżonn biex iservi sal-aħħar. Fil-fatt, ġieli l-mixja tkun itwal mis-soltu u t-tank veru jiżvojta.
Dwar l-affari l-oħra ta’ waqt il-mixi, napprezza r-rispett tal-privacy, jekk ma jimpurtax. Grazzi!
L-ewwel semmejt kif dejjem tgħaddi tiegħi. Ġieli s-Sinjur, għall-għażż, jipprova jgħaddini short cut minflok ir-rotta standard. Nini nini! Mill-ewwel ninduna biex ġej għax jaqbad idur mal-kantuniera minflok inkomplu niżlin ‘l isfel. Allura jien nieqaf. Hu jħares lura. Jara li jien deċiża li mhux se nkompli miexja jekk jieħu short cut. Jerġa’ jdur ‘l isfel fit-triq li suppost nieħdu, u hemm biss nitlaq nimxi. “Li trid tagħmel int!”, jgħidli, “Li trid!” Imbagħad, ftit wara, “Brava Suzy. Good girl!”
Kultant jitfaċċa qattus. Mamma mia xi provokazzjoni! Ħarsa fissa, inkejjuża, minaċċuża. Jien inġebbed kemm niflaħ biex nagħmel għalih, bil-kullar jagħfas m’għonqi. Ma jħallunix immur niġri wara l-qattus. “Nno! Nnnnno! Ejja mmorru!” Jien inġebbed lejn il-qattus u ċ-ċinga ġġebbidni n-naħa l-oħra. U l-istess storja jekk nilmaħ xi crow jew squirrel.
Imma ġeneralment il-mixja tkun kwieta u mingħajr inċidenti. Immorru nimxu filgħodu, ġieli f’nofsinhar u filgħaxija dejjem. Għamilt ħafna ħbieb u anki xi għedewwa fir-raħal. L-għedewwa kollha klieb, imma mbagħad hemm ukoll klieb simpatiċi li noqgħod nilgħab magħhom. In-nies kollha nħobbhom, u jekk taqta’ barra dawk li jibżgħu minni kollha jieħdu pjaċir bija meta nagħmilha ovvja li rrid nifraħ bihom. Tista’ tgħid li s-Sinjuri tiegħi saru jafu lill-ġirien bis-saħħa tiegħi biss.
Jgħiduli “happy dog”, u naħseb veru. Nagħmel in-nervi biss meta xi ħadd mis-Sinjuri joħroġ mid-dar, u agħar jekk joħorġu t-tnejn jew jekk idumu żmien twil. Immur nistennihom wara l-bieb sakemm fl-aħħar naqta’ qalbi. Imbagħad, ħabta u sabta jiġu lura u nagħtihom merħba kbira kif jixirqilhom. Inħobbhom wisq! U anki lill-Prinċep u l-Prinċipessa, li meta darba f’mitt qamar jiġu d-dar inkun se niġġennen bil-ferħ.
Ħajja ta’ kelb, insomma. Anzi, ta’ kelba.




Hawnhekk id-Dolomiti, fl-Italja.


Leave a Reply to Christine BurloCancel reply